Nies qrib id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, urew fil-każini Nazzjonalisti tar-raba’ distrett li huma mdejqa u mħassba bl-appoġġ li qed jikseb il-kandidat Mark Anthony Sammut mill-grupp ta’ madwar il-Kap Adrian Delia.
Mark Anthony Sammut ilu żmien jixtieq isir deputat parlamentari u dejjem prova jimbotta lilu nnifsu bħala wieħed mill-iktar politiċi b’lingwaġġ iebes fl-Oppożizzjoni. Iżda sa issa Mark Anthony Sammut qatt ma qabad art tant li anke l-attivitajiet tiegħu dejjem kienu fost l-iktar batuti mid-deputati tad-distrett.
Però Sammut dejjem baqa’ wieħed miż-żgħażagħ li l-Partit Nazzjonalista prova jbigħ bħala promettenti anke għaliex fl-aħħar snin naqsu ħafna n-nies il-ġodda fil-Partit Nazzjonalista, tant li fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista dar fuq nies bħal Salvu Mallia.
Mark Anthony Sammut m’appoġġjax lil Adrian Delia fil-kampanja għall-kap tal Partit Nazzjonalista, iżda kien fost dawk li ddikjaraw lealtà minnufih lejh wara li laħaq kap. Fil-fatt, kien għalhekk li eventwalment laħaq wieħed mit-tliet Presidenti fl-istituzzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista. B’din il-kariga qed jingħata rwol ikbar milli kellu qabel u huwa dan li qed idejjaq lil Jason Azzopardi li s-siġġu fil-Parlament hu l-iktar ħaġa importanti għalih.
Tant li kien hemm żmien fejn ippospona deċiżjonijiet personali biex ma jidhirx ikrah mal-elettorat. Azzopardi kien wieħed milli kellu konfronti diretti ma’ Delia fil-miftuħ u għalkemm illum qed jagħmel sforz enormi bil-għan li jidher li qed jingwala mal-kap, xorta waħda n-nies ta’ madwaru jemmnu li l-elettorat Nazzjonalista jista’ ma jaħfirlux tal-attitudni tiegħu tul is-sajf li għadda. B’ritaljazzjoni nies li jappoġġjaw lil Azzopardi ma tantx ikollhom kliem ħelu għal Sammut li jgħidu li m’għandux il-profil taż-żiemel tagħhom li jiddeskrivuh bħala wieħed mill-ewlenin favur ir-rule of law fil-Partit Nazzjonalista.