Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi ma weġibx għall-mistoqsijiet tagħna dwar ir-responsabilità politika li għandu jerfa’ wara li l-inkjesta Maġisterjali sabet b’mod ċar li l-Prim Ministru, il-Brigadier u s-suldati ma kinux involuti fi qtil ta’ immigranti.
Iktar minn hekk, l-inkjesta qalet li l-allegazzjonijiet li saru fost oħrajn mid-deputat Nazzjonalista ma kinux imsejsa fuq provi u ma sarux il-verifiki.
Iżda meta staqsejnih dwar ir-responsabilità politika, Jason Azzopardi lebbet l’hemm hekk kif ħareġ mill-Parlament.
“Dr. Azzopardi ħa tkun qed terfa’ r-responsabilità politika dwar l-inkjesta… ħa titlob apoloġija issa?”
Dan l-aħħar aġir ta’ Jason Azzopardi, li ma jweġibx għar-responsabilità politika jkompli ma’ dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li fl-ewwel jiem waqa’ fil-muta dwar l-aġir ta’ dak li hu ħareġ għonqu għalih imbagħad kompla jiddefendih.
“Dr Delia se titlob lil Jason Azzopardi jerfa’ xi tip ta’ responsabilità wara l-inkjesta?
Ma jidhirlix li hemm xi responsabbilità minn Jason Azzopardi.”
Jason Azzopardi lanqas dwar apoloġija lis-suldati, membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52, ma wieġeb iżda waqt konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa l-oħra, Jason Azzopardi qal li ma jagħmel apoloġija qatt u ta’ xejn.
“Ma nagħmel apoloġija qatt u ta’ xejn meta jien naqdi doveri tiegħi bħala avukat.”
Jason Azzopardi kien prova jaħrab mill-allegazzjonijiet li għamel wara li rrinunzja ruħu mid-denunzji li kien fetaħ.
Dan ftit wara li informazzjoni li kienet ressqet l-għaqda Repubblika stess kienet uriet li l-allegat sabutaġġ ta’ dgħajsa tal-immigranti ma kien xejn għajr proċedura normali li ssir biex issalva l-ħajjiet fuq il-baħar.
Fil-fatt l-inkjesta mmarkat dan u semmiet ukoll żbalji kardinali li saru minn min għamel l-allegazzjonijiet li ġew iffirmati mhux biss minn Jason Azzopardi iżda anki mill-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, l-avukat Pawlu Borg Olivier.
Il-kwerela li daħlet għand il-Kummissarju tal-Pulizija allegat attentat ta’ qtil ta’ immigranti bejn id-disgħa u l-ħdax ta’ Marzu iżda l-Maġistrat innota li f’dawk il-jiem, il-membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 lanqas biss kienu fuq xi ħidma ta’ salvataġġ.
F’inkjesta dettaljata t’aktar minn erba’ mitt faċċata, il-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud kiteb ukoll li fl-istess denunzja l-ewwel jissemmew akkużi t’attentat ta’ qtil imbagħad tissemma l-akkuża ta’ qtil.
“Il-Maġistrat inkwirenti seta’ waqaf hemm, la d-denuzja ma kinitx korretta skont il-kodiċi kriminali”, saħaq b’mod ċar il-Maġistrat.