Jason Azzopardi għandu kull interess li jattakka t-terminu tal-inkjesti skont ir-riformi proposti. L-eks Deputat Nazzjonalista, li llum jiddetta l-pożizzjoni tal-PN fuq l-inkjesti maġisterjali, u li tant jipprietka fuq is-saltna tad-dritt, jinsab hu stess suġġett ta’ inkjesta fiż-żmien meta kien Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet.
L-inkjesta maġisterjali li nfetħet tnax-il sena ilu hija dwar frodi, miżapproprijazzjoni u korruzzjoni, u dwar deċiżjonijiet li ttieħdu b’rabta ma’ art pubblika li ngħatat lil persuni li għandhom djar f’Għajn Dwieli: post li kien jaqa’ taħt il-kostitwenza ta’ Jason Azzopardi.
Għax jaf il-gravità ta’ dak li jista’ joħroġ mill-inkjesta dwaru stess, Jason Azzopardi nfexx f’dagħdigħa ta’ attakki, qerq u spin, karatteristiċi tal-partit fl-Oppożizzjoni. B’Karol Aquilina, il-kap de facto tal-PN, u Bernard Grech, il-kap proprja, jappoġġjawh, inħoloq attakk orkestrat fost oħrajn fuq it-terminu tal-inkjesti.
Dan meta hemm inkjesta fuq Jason Azzopardi nnifsu, li b’effett tal-liġi l-ġdida, ma tistax tibqa’ fuq xkaffa għat-trab, imma l-Maġistrat se tkun obbligata li tibgħatha lill-Avukat Ġenerali. It-terminu li fih għandha tkun konkluża inkjesta ġie introdott bl-għarfien li hemm ċerti reati li huma kumplessi, iżda fl-istess waqt trid tkompli ssir ġustizzja effiċjenti u effettiva, li ma tħallix lill-vittmi u lill-qraba fl-għama għal għomorhom.
Jason Azzopardi kien qed jittama li l-inkjesta dwar għemilu stess taqa’ f’bir tas-skieken, però bir-riforma nħoloq proċess serju ta’ kontabilità fil-proċess, u ebda inkjesta ma tista’ titħalla fuq l-ixkaffa.
Quddiem dan il-fatt, bil-għajnuna ta’ Karol Aquilina, il-forċina tiegħu fil-Parlament, Jason Azzopardi ħoloq kampanja ta’ miżinformazzjoni u qerq, li saħansitra takkuża lill-Gvern li jrid joqtol inkjesti ta’ każijiet li xxokkjaw lill-pajjiż.
Din hija gidba li ssib l-għeruq tagħha f’dak li jrid inessina Azzopardi. Gibda moq żieża li ma tiddejjaqx tuża ismijiet bħal Karin Grech u Raymond Caruana biex tkompli tqanqal lin-nies, u tqarraq bihom. Ir-riforma fil-fatt tipprovdi terminu li fih għandha tkun konkluża inkjesta.
Minn hemm, l-istess inkjesta tmur għand l-Avukat Ġenerali li għandha tiddeċiedi li: jinbdew jew ma jinbdewx proċeduri; jew jintbagħtu l-atti lura lill-Maġistrat u għaldaqstant titkompla l-inkjesta, fejn jibdew jgħaddu sentejn oħra; jew tibgħat l-atti lill-Pulizija biex tkompli tinvestiga.