Illum bdiet tinstema’ fil-Qorti l-kawża ta’ libell li fetaħ il-Ministru Carmelo Abela kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi madanakollu, għas-smigħ tal-kawża quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, id-deputat Nazzjonalista ma deherx quddiem il-Qorti.
Minflok deher biss l-Avukat tad-Deputat Nazzjonalista Joseph Zammit Maempel, li sostna li dak li kiteb Azzopardi kienet opinjoni tiegħu u dik li sejjaħ bħala ‘fair comment’.
L-Avukat tal-Ministru Abela, Dr Pawlu Lia talab sabiex id-Deputat Nazzjonalista jressaq il-provi li għandu dwar dak li kiteb, iżda l-Avukat ta’ Jason Azzopardi oġġezzjona għal dan. Il-Qorti qalet li l-provi għandhom jitressqu min-naħa tal-Ministru Abela.
Kien il-Ministru Abela li fid-9 ta’ April li għadda kien fetaħ libell lil Azzopardi wara li dan tal-aħħar kien għamel allegazzjonijiet serji kontra l-Ministru Abela, fejn fost oħrajn implikah bi rwol fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri ġenerali tal-bank HSBC fl-2010.
Il-kawża suppost bdiet fis-17 ta’ Mejju madanakollu dakinhar Jason Azzopardi permezz tal-avukati tiegħu kien għadu lanqas biss daħħal ir-risposta għal-libell li kien infetaħ iktar minn xahar qabel.
B’reazzjoni l-Ministru Abela qal li stenna li Jason Azzopardi se jġib evidenza li tikkorabora l-allegazzjonijiet tiegħu.
Semma li dak li kiteb Jason Azzopardi mhijiex opinjoni iżda allegazzjoni ta’ fatti serji li hu obbligat li jġib il-provi tagħhom.
“Li tipprova tgħid li kienet biss opinjoni u allura mintix obbligat tipprovaha tkun qed tidħak bil-Qorti u bin-nies”, sostna l-Ministru Carmelo Abela.
Intant ftit minuti wara li suppost kien qiegħed il-Qorti, Jason Azzopardi fuq Facebook kompla jagħmel sensiela ta’ allegazzjonijiet kontra l-Ministru Abela fost oħrajn.
Il-kawża se tkompli fl-14 ta’ Lulju.