Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għandu jifhem li ma jistax jibqa’ jagħmel allegazzjonijiet serji dwar il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia bla ma jissostanzjahom. Sostna dan l-editorjal ta’ The Malta Independent taħt it-titlu: highest corridors of power claim – Azzopardi should share information with the courts.
Fl-aħħar jiem id-deputat Nazzjonalista u l-avukat tal-familja ta’ Caruana Galizia mar fil-Kunsill tal-Ewropa u għamel allegazzjoni ġdida bla ma ssostanzjaha. Allega li għandu informazzjoni li l-qtil tal-blogger ġie ordnat min-nies li għandhom aċċess għall-ogħla kuruturi tal-poter. L-editorjal qal li d-deputat, li hu magħruf għall-kontroversji u li dan l-aħħar attakka lill-Kap tiegħu Adrian Delia, tenna dawn l-allegazzjonjiet bosta drabi. Madankollu l-gazzetta nnotat li Azzopardi naqas milli jissostanzjahom.
Fakkret fid-dikjarazzjoni mgħaġġla li kien għamel Delia meta ħareġ jgħid li dan kien qtil politiku u spiċċa rattab il-pożizzjoni tiegħu meta ħareġ li dan seta’ kien marbut ma’ investigazzjoni ta’ gruppi kriminali. Sostna li x’aktarx din hi r-raġuni li l-Partit Nazzjonalista qed joqgħod lura milli jagħmel tiegħu dawn l-allegazzjonijiet li faċilment jistgħu jirriżultaw li huma foloz kif kienu dawk dwar il-kumpanija Egrant.
Fuq kollox l-editorjal sostna li jekk Azzopardi għandu din l-informazzjoni u jekk verament jemmen li l-qtil ta’ Caruana Galizia għandu jissolva, m’għandux jaħli aktar ħin u jmur jagħtiha lill-awtoritajiet biex tiġi investigata. Innota li l-ġimgħa l-oħra, id-deputat Nazzjonalista kellu l-aqwa pjattaforma fil-Kunsill tal-Ewropa biex jesponi din is-suppost rabta bejn il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-klassi politika, iżda naqas milli jieħu din l-opportunità.
Apparti dan, il-gazzetta nnotat li Azzopardi bħal Delia naqas milli jwieġeb il-mistoqsijiet li bagħtulu biex jissostanzja l-aħħar allegazzjonijiet. L-editorjal temm jistaqsi jekk dan qiegħedx jagħmlu għax mhux ċert mill-informazzjoni li għandu jew hux qiegħed jilgħab logħba politika. Sostna li n-nies għandha dritt tkun taf min hemm wara l-qtil u Jason Azzopardi għandu jgħidilna u jiżvela l-ismijiet pubblikament jekk tabilħaqq jaf min huma kif ħareġ jallega.