Jason Azzopardi ma ddikjarax ir-rigal li ħa f’kamra mħallsa fil-lukanda lussuża tal-Hilton ta’ Tel Aviv fid-dikjarazzjonijiet tal-assi li kull deputat Parlamentari hu obbligat li jimla’ bir-reqqa.
ONE News ħares lejn id-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Jason Azzopardi għall-elfejn u sbatax, is-sena li fiha mar Tel Aviv għal tieġ u talab lill-grupp ta’ Tumas, il-grupp li kien imexxi s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex isiblu lukanda.
Il-kamra f’din il-lukanda ta’ ħames stilel kienet tħallset mill-grupp ta’ Fenech u skont mart Jason Azzopardi, Azzopardi ma ħadhiex miegħu għax qalilha li ried imur waħdu biex jagħmel lejl fuq il-qabar ta’ Kristu.
Id-dikjarazzjoni tal-assi għall-2017 ddaħħlet min Jason Azzopardi fit-30 ta’ April tal-2018.
F’sezzjoni E ta’ din id-dikjarazzjoni hemm miktub ċar u tond li d-deputati parlamentari jridu jiddikjaraw is-safar li jkunu mħallsa minn kumpanija.
Fid-dikjarazzjoni tal-assi tal-2017, is-sena meta Jason Azzopardi mar din il-btala ħeba l-fatt li l-lukanda tħallset minn kumpanija privata u kiteb biss il-kliem mhux applikabbli.
Azzopardi qed jgħid li l-grupp li kien imexxi Yorgen Fenech ma kellu l-ebda interess dirett f’liġi li tkun quddiem il-Parlament.
Kienet il-gazzetta Illum li żvelat dan il-każ li Jason Azzopardi żamm mistur.
Jason Azzopardi talab lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler biex jinvestigah iżda Hyzler ċanfar lil Azzopardi dwar it-talba għall-investigazzjoni fuqu hekk kif huwa sostna li huwa prekluż milli jwettaqha u qal li t-talba t’Azzopardi hija superfluwa.
Hyzler fakkru wkoll li l-argument t’Azzopardi, li xtara rigal tal-fidda biex bħal speċi jagħmel tajjeb għar-rigal li tawh ta’ Fenech ma jikkanċellax ir-rigal mogħti lilu.