Minkejja li mhux qed joħroġ daqstant fil-beraħ kontra Adrian Delia, d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi qed jaħdem minn taħt sabiex itajjar lil Delia minn Kap.
Sorsi fl-Eżekuttiv Nazzjonalista qalulna li Jason Azzopardi ħadem qatigħ sabiex nhar it-Tlieta Adrian Delia reġa’ ġie sfiduċjat.
Minkejja li pruvat tingħata l-impressjoni li ġiet preżentat l-mozzjoni ta’ sfiduċja b’mod spontanju nhar it-Tlieta bil-lejl, s-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li dan mhux minnu għax il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kellha pjan bizzilla lest sabiex jerġa’ jiġi sfiduċjat il-Kap.
Sorsi qalulna li l-pjan tad-deputati tal-fazzjoni li issa huma wara Therese Comodini Cachia, kien li l-ewwel iduru sew il-membri tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sabiex jaraw li jkollhom il-maġġoranza.
Is-sorsi tagħhna fl-eżekuttiv qalulna li fuq quddiem nett ta’ dan il-pjan kien hemm Jason Azzopardi.
Azzopardi, li qatt ma ħadem biex jgħin lil Delia u li kien fost dawk li għenu lil Chris Said biex jarawh kap tal-partit, tant li anki spiċċa ġġieled ma’ qraba ta’ Delia fil-jum tal-votazzjoni għall-Kap fuq il-fosos, kien il-moħħ wara l-vot ta’ sfiduċja fl-eżekuttiv.
Tas-17-il eroj blu ried ikun ċert li se jkollu l-maġġoranza biex jiġi sfiduċjat.
Is-sorsi tagħna qalulna li Azzopardi u d-deputati l-oħra tkellmu ma’ uħud mill-membri, fosthom dawk il-membri li ma ridux ifuħu u lanqas jintnu, la mar-ribelli u lanqas ma’ ta’ Delia.
Nies qrib Jason Azzopardi qalulna li lejliet il-laqgħa tal-eżekuttiv, huwa kien anzjuż tant li fl-isforzi li bdew isiru beda jgħid lil kulħadd li hu mhux mija fil-mija irid ikun ċert fuq ċertu nies li kellhom jivvutaw imma 500% li se jiġbdu l-ħabel tiegħu u se jivvutaw kontra Adrian Delia.
Dan id-diskors qalu anki f’telefonati ma’ esponenti tal-fazzjonijiet ta’ Simon Busuttil hekk kif kompla jiġi mmuntat il-pjan biex tikber il-pressjoni ħalli Delia jwarrab.
Mill-preparamenti li saru deher li kellhom l-appoġġ u għalhekk tqabbad l-eks deputat nazzjonalista Michael Asciak sabiex jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-kap.
Kienu 47 membru li sfiduċjaw lil Delia fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.
Sitta u tletin membru tal-eżekuttiv baqgħu juru fiduċja f’Delia filwaqt li membru astjena.
Wara dan il-vot, esponenti tal-fazzjoni li trid lil Comodini Cachia flok Delia ħarġu sodisfatti mill-istamperija.
Fost dawn kien hemm Jason Azzopardi, li din id-darba ma ddejjaq xejn jippoppa sidru u joħroġ mill-bieb prinċipali tad-Dar Ċentrali wara li Delia ġie sfiduċjat għat-tielet darba f’ġimgħa.
Azzopardi qal: “Issa ħa nmorru norqdu. Good night.”