L-Avukat u Eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jinqabad jikkontradixxi lilu nnifsu wara li allega li l-appuntament ta’ Norma Saliba bħala Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru ġdid tal-Ilsien Malti hu null minħabba inkonsistenza f’waħda mill-verżjonijiet tal-Avviż Legali ppubblikat.
Minkejja dan, ftit jiem wara l-Avviż Legali sar tajjeb tant li ippreżenta protest fil-Qorti f’isem klijent tiegħu fejn iddikjara li l-klijent tiegħu ġie diskriminat għax ma ħax dik l-istess pożizzjoni, li suppost hi nulla skont dak li qal hu stess.
Fi protest ġudizzjarju twil diversi paġni li ressaq nhar il-Ħamis 24 t’Awwissu f’isem ċertu Mark Amaira, Azzopardi mkien ma jsemmi dak li kien iddikjara ġimgħa qabel, jiġifieri li, skontu, l-Avviż Legali li bih twaqqaf l-istess Ċentru u allura l-ħatra tal-ġurnalista u bi snin twal ta’ esperjenza kienet waħda nulla.
Dan minħabba li l-verżjoni bl-Ingliż u dik Maltija kellhom inkonsistenza fir-referenza għal-liġi li taħtha hemm poter li jinħarġu r-regolamenti. F’dawn il-każi l-prinċipju sagrostant u bażiku hu li l-liġi bil-lingwa Maltija tirbaħ u għalhekk din l-allegata nullità hi biss fantażija f’moħħ Azzopardi.
Iżda dan l-argument li Azzopardi mar jiġri jikteb fuq il-Facebook tiegħu fis-17 t’Awwissu konvenjentement ma rreferiex għalih fil-protest ġudizzjarju twil li ppreżenta.
Minflok, bħal dejjem, Azzopardi ried biss juża dan biex jiftaħ attakk dirett ieħor fuq il-Gvern Laburista u f’dan il-każ partikolari fuq il-Ministru responsabbli Owen Bonnici.
Minkejja dan, il-maskra tal-Kap tal-‘Blue Heroes’ ma tantx damet biex taqa’ tant li, għall-klijent tiegħu, irrikorra bi protest quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex jilmenta għall-ħatra ta’ Norma Saliba sempliċiment għax lil min qed jirrappreżenta legalment ma ntagħżilx hu għal din il-pożizzjoni.
Din it-tattika hi sinonima mal-establishment Nazzjonalista, li l-eks Deputat jagħmel parti integrali minnha. Sakemm kien għadu fil-Parlament, Azzopardi kemm-il darba uża l-pożizzjoni tiegħu ta’ avukat u uża tagħrif fi proċeduri legali, inkluż dak mhux pubbliku, għall-maniġġi malinni tiegħu u jattakka kull pass tal-Gvern.