L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ċaħad bil-qawwi li hu jew l-Uffiċċju tiegħu għadda xi informazzjoni fir-rigward ta’ xi deputat parlamentari qabel ma’ dak id-deputat ġie mgħarraf skont il-liġi.
Dan wara rapport f’sezzjoni tal-midja fuq il-fatt li ġie żvelat li Jason Azzopardi għamel tliet snin konsekuttivi ma jħallasx it-taxxa u meta ddikjara d-dħul tiegħu, ma ddikjara xejn mill-professjoni legali tiegħu.
Kien ONE News u l-gazzetta KullĦadd, li żvelaw kif fl-aħħar ħames snin, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma ddikjarax x’jaqla’ għal tliet konsekuttivi, għall-2016, l-2017 u l-2018.
Mit-tagħrif li kiseb l-Editur ta’ ONE News, kif għandu dritt li jagħmel skont il-liġi, jirriżulta li l-unika formola tat-taxxa li daħħal Jason Azzopardi fl-aħħar erba’ snin, iddikjara biss li daħħal ftit mijiet ta’ ewro mill-Università u l-onorarja parlamentari.
Hawnhekk qanqal dubji kbar, għaliex bħala Avukat u li bosta jafuh bħala wieħed imqabbad sew, ma ddikjara li qala’ xejn mill-professjoni legali jew min-negozju li huwa involut fih f’ditta legali li hu msieħeb fiha.
L-Ispeaker innota li huwa veru li żewġ talbiet għat-tax returns ta’ ċertu deputati ġew imwieġba l-għada.
Dawn kienu talbiet mit-Times u ONE News, u kienu jinvolvu numru żgħir ta’ Membri Parlamentari.
Min-naħa l-oħra, talbiet oħra li saru mill-Maltatoday u mil-LovinMalta ħadu iżjed fit-tul għaliex dawn iż-żewġ siti talbu d-dettalji tal-Membri kollha tal-Kamra, jiġifieri kemm dawk sedenti kif ukoll dawk li m’għadhomx membri tal-Kamra, li kienu jammontaw għal iżjed minn 75.
L-Ispeaker fakkar li skont il-liġi, meta ssir talba għall-formoli tat-taxxa ta’ xi deputat, huwa jinforma lil dak id-deputat inkwistjoni u mbagħad jgħaddi l-informazzjoni lill-midja, li għandha dritt għaliha.
Qal li l-informazzjoni jgħaddiha skont dak li jgħaddi l-Kummissarju għat-Taxxa.
Fl-istess jum li ONE News talab għat-tax returns ta’ Jason Azzopardi u allura Dr Azzopardi kien informat mill-Ispeaker li ONE News staqsa fuqu, Jason Azzopardi għamel aġġornament parlamentari fejn allega li sar frame-up fuq l-eks Kummissarju tat-Taxxi Interni u fih ipprova jimplika lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li mhux biss ċaħad iżda fakkar kif din kienet it-tielet gidba fi ftit żmien li għamel fuqu Jason Azzopardi.
L-għada Jason Azzopardi saħansitra żamm laqgħat ma’ strateġisti ta’ Bernard Grech li fihom għamilha ċara li jippretendi li l-Partit Nazzjonalista jaqbad in-narattiva tiegħu minnufih kull darba li jitkellem fil-Parlament u jirrepetti dak li jgħid hu b’aktar qilla.
Lill-istrateġisti ta’ Bernard Grech, Azzopardi fakkarhom li l-Kap m’għandux jinsa min poġġieh fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Għal bidu Bernard Grech ma rreaġixxa xejn u pprova ma jċaqlaqx l-ilmijiet iżda meta mbagħad iffaċċjat b’aktar mistoqsijiet pertinenti tenna li m’hemm l-ebda azzjoni li għandu jieħu fil-konfront ta’ Jason Azzopardi.
Bħal ma ddefendih fil-każ tal-kamra lussuża f’Tel Aviv, li Jason Azzopardi ħa m’għand tal-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, Bernard Grech ħareġ għonqu anki fuq is-saga tat-taxxa ta’ Azzopardi.
Fil-fatt saħaq li din hija kwistjoni magħluqa, anki jekk ftit wara, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li Jason Azzopardi għandu obbligu li jwieġeb u li l-messaġġ ta’ każ magħluq ma fehmux għaliex huma n-nies li jiġġudikaw.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qed jgħidu li Bernard Grech għandu l-ingassa ssikkata m’għonqu minħabba l-fatt li huwa wkoll ma ħallasx eluf ta’ ewro f’taxxa għal numru ta’ snin u għalhekk m’għandu l-ebda awtorità fuq Jason Azzopardi.