Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għamilha ċara li hu se jibqa’ fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista għas-snin li ġejjin.
B’reazzjoni għal xi artikli fil-gazzetti dwar kif il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn nies ġodda, Azzopardi mhux biss tkellem mal-istess gazzetti kif hu mhux beħsiebu jagħmel pass lura iżda ftit wara li kienu ppubblikati l-artikli uża kwotazzjoni tal-eks President tal-Istati Uniti Ronald Reagan, biex fuq Facebook jitfa’ l-battuta li l-ġodda huma mingħajr esperjenza.
Fuq Facebook tiegħu pprova jkun fin, imma min kellu jifhem, fehem.
Filwaqt li xerred il-filmat ta’ Reagan f’kampanja elettorali bosta snin ilu, Azzopardi qal li l-battuta tal-eks President Amerikan, fejn qal li mhux se jirkeb fuq l-età u l-inesperjenza ta’ min hu iżgħar minnu, għadha tgħodd sal-lum.
“Qed nikkontribwixxi u għandi ħafna x’nikkontribwixxi,” qal Jason Azzopardi biex għamilha ċara li hu żgur ma togħġbux l-idea tad-Deputat Claudio Grech, li min ilu jikkontesta ħafna elezzjonijiet jagħti ċans nies ġodda.
Bħal Azzopardi jaħsbuha oħrajn fil-Partit Nazzjonalista u huwa ċar li Bernard Grech se jagħmel dak li jgħidulu Jason Azzopardi u ta’ madwaru.
Fil-fatt dak il-grupp ta’ nies qed jibqa’ jiddomina fil-Partit Nazzjonalista u jkun biss fil-jiem ta’ wara xi stħarriġ ħażin li jibda jingħad xi diskors fuq il-bżonn ta’ bidla.
Diskors li jisfuma fix-xejn hekk kif dawk li għamlu lil Bernard Grech Kap jibqgħu jiddominaw il-politika tal-Partit Nazzjonalista.