Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi inħeba wara isem fittizju waqt iż-żjara li għamel f’Tel Aviv minn fuq dahar ta’ Fenech.
Fil-Hilton ta’ Tel Aviv huwa kien irreġistra ruħu bħala Mr. Smith qabel għadda vaganza jgawdi suite bl-ispejjeż mħallsa mill-grupp ta’ Fenech.
Qed ikun allegat li Jason Azzopardi kien il-moħħ wara l-idea li jinħeba wara l-isem ‘Mr. Smith’ biex fi kliemu jkollu xturu moħbi jekk “jinqala xi dimonju.”
Iżda meta affaċjat mill-ġurnalist ta’ ONE News u mistoqsi biex iwieġeb dwar dawn l-allegazzjonijiet friski, Jason Azzopardi reħilha juża t-tattiċi evasivi li tant huma sinonimi miegħu, u bil-mobile ma widnejh għamilha ta’ bi ruħu li qed jitkellem dwar xi każ jaħraq.
Dan għalkemm mill-professjoni legali tiegħu skontu ma jaqla’ xejn għaliex fl-2019 ma ddikjarhomx.
Iżda l-mistoqsija ta’ Mr. Smith niggżitu u kien kostrett għal mument jabbanduna l-messa in scena tiegħu.
Ġurnalist: “Għaliex inti meta dħalt Tel Aviv għidt li int Mr.Smith? Kellek xi ħaġa x’taħbi?”
Jason Azzopardi: “Tkomplux tigdbu”
Ġurnalist: “Allegazzjonijiet, napprezzaw tweġiba. Qed nigdbu jiġifieri?”
Jason Azzopardi: “Iva”
Iżda din l-allegazzjoni dwar rigali li Jason Azzopardi qala’ mingħand l-grupp tal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech mhux waħda iżolata.
Jason Azzopardi kien akkwista wkoll ballroom b’xejn fil-lukanda Hilton mingħand Yorgen Fenech sabiex ikun jista’ jagħmel coffee morning għall-kostitwenti tiegħu eżatt qabel l-elezzjoni tal-2008.
Huwa kien jorqod, jgħum u jiekol b’xejn fil-Hilton ta’ San Ġiljan, filwaqt li kien mar jirrilassa f’weekend break’ fil-lukanda ta’ Tumas Group f’Kemmuna.
Għal din il-vaganza tal-aħħar huwa wkoll ma kienx ħallas sold.
Huwa magħruf ukoll li f’waħda mill-ikliet kien saħansitra tefa’ t-tip tal-waiter fuq il-kont tal-kamra li fiha kien qed joqgħod b’xejn.
Iżda Jason Azzopardi ma riedx li dawn il-fatti jaraw d-dawl tax-xemx u jinkixfu fil-pubbliku.
Meta kien għadu mhux magħruf li Azzopardi rċieva ħemel ta’ rigali mingħand Yorgen Fenech huwa kien stqarr fuq l-istazzjon nazzjonali li ma jiftakarx li ħa xi ħaġa mill-grupp ta’ Tumas.
Saviour Balzan: “Mill-grupp li huwa kien CEO int pereżempju qatt ma ħadt xejn mingħandhom pereżempju dawn?
Jason Azzopardi: “Żgur mhux mingħand Yorgen Fenech.
Saviour Balzan: “Le mill-grupp. Qed insaqsik, inkun preċiż bħall-avukati jien. Qatt ħadt xi ħaġa?”
Jason Azzopardi: “Ma niftakarx li qatt ħadt xi ħaġa.”