L-Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi sostna li ma seta’ jagħmel xejn aktar ħlief jgħid “sorry” b’rabta mal-gideb tiegħu f’każ malafamanti kontra Ryan Spagnol.
Hu qal dan hekk kif poġġa għal dibattitu ma’ Jason Micallef waqt podcast imtella’ mit-Times.
Fil-fatt, Azzopardi qal dan proprju wara li Micallef fakkar f’dan il-każ fejn Azzopardi għamel allegazzjonijiet mill-aktar serji dwar reati kriminali fil-konfront tas-Segretarju tal-Kabinett.
MARK LAWRENCE ZAMMIT: “Jason Micallef għamel argumenti tajbin ħafna li inti ma rrispondejtx għalihom. Inti Jason għamilt l-iżbalji u għamilt ħafna żbalji.”
JASON AZZOPARDI: “Min ma jagħmilx.”
MARK LAWRENCE ZAMMIT: “Imma minuta, minuta, altru tagħmel l-iżbalji il-każin jew id-dar.”
JASON AZZOPARDI: “Għal min għal Ryan Spagnol pereżempju? Jien ktibt u għidt ‘sorry’.”
MARK LAWRENCE ZAMMIT: “Sorry tajjeb jiġifieri biżżejjed?”
JASON AZZOPARDI: “Xi trid tagħmel iktar?”
JASON MICALLEF: “Rajtu. Kemm hi tajba din, qed tara. Jgħaddik minn martirju u xi trid tagħmel aktar.”
Bl-istess mod, l-eks Deputat mill-fergħa tal-establishment Nazzjonalista ġie mistoqsi dwar il-każ tad-Deputat Laburista Carmelo Abela.
Hawn, evidentament skomdu, Azzopardi beżaq li hu sempliċiment irrepeta allegazzjonijiet li qal ħaddieħor, bil-ġurnalist pront isostni li l-Partit Laburista għandu raġun jilqa’ għal dan it-tip ta’ aġir.
MARK LAWRENCE ZAMMIT: “Carmelo Abela, inti għamilt allegazzjoni li kien kompliċi f’serqa ta’ bank ta.”
JASON AZZOPARDI: “Jason Azzopardi rrepeta dak li ħaddieħor irrepeta. Jason Azzopardi ma kienx hu li qal l-ewwel darba dak li qal.”
MARK LAWRENCE ZAMMIT: “Mela allura għandu raġun il-Labour jgħidlek il-Labour ma tistax tisma’ l-affarijiet.”
JASON MICALLEF: “Mela dawn affarijiet ta’ pappagall. Dawn affarijiet ta’ pappagall tirrepeti? Tisma’ xi ħaġa u tirrepetiha? Mela dawn affarijiet ta’ pappagall?”
Quddiem dan kollu Jason Micallef tenna d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dan l-aġir minn klikka żgħira ta’ nies, b’Jason Azzopardi jaċċerta li qatt ma jħossu ħieles daqs illum b’dak kollu li qed jagħmel.
JASON MICALLEF: “Bir-rispett kollu hux. Din hi klikka żgħira, bitter. Bitter. Mhemmx kelma oħra. Jiddispjaċini nitkellem b’dan il-mod.”
JASON AZZOPARDI: “Qatt ma kont ħieles daqshekk naċċertak.”