Is-Shadow Minister Nazzjonalista Jason Azzopardi jmeri rapport dwar l-espropjazzjoni b’rabta mal-każ tal-Fekruna, li wassal għal telf ta’ flejjes kbar għal pajjiżna.
“M’hu veru xejn”, insista Azzopardi ma’ One News, minkejja li rapport tal-Internal Audit Investigations Department (IAID) jgħid li fi żmien Gvern Nazzjonalista, f’kampanja elettorali, il-pajjiż tilef iktar minn miljun ewro bil-ftehim tal-Fekruna. Dak iż-żmien, Azzopardi kien il-Ministru responsabbli mill-artijiet.
Il-ftehim dwar medda art fix-Xemxija kien sar ma Raymond Vella, sid l-istabiliment Mare D’Oro, u kellu l-barka ta’ Jason Azzopardi. Dan mhux l-unika każ li fih kien involut Azzopardi. Filfatt kien indaħal f’każ ta’ għoti ta’ garaxx f’Santa Luċija bi pjaċir, għall-kostitwenti tiegħu. Aġir imsejjaħ inaċċettabbli l-Awditur Ġenerali.
Jason Azzopardi qed jiqba’ sieket. Mistoqsi minn One News hux ser jerfa’ responsabilita’ politika li tant jitkellem dwarha, għażel li jiskarta d-domandi tal-ġurnalisti.