Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi mar fuq il-Euronews sabiex ikompli jħammeġ isem pajjiżna.
Dan waqt servizz fuq rapport dwar l-istat tas-saltna tad-dritt u l-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Rapport mimli gideb u attakki kontra pajjiżna li ġie ppreżentat waqt laqgħa ta’ kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa f’Pariġi mill-membru parlamentari Olandiż Peter Omtzigt li huwa wkoll membru tal-Partit Popolari Ewropew.
Azzopardi, li kien preżenti f’Pariġi minkejja li m’huwiex membru tal-kumitat li ddiskuta r-rapport, attenda flimkien ma’ iben Caruana Galizia.
Fuq il-Euronews Azzopardi ddikjara li m’humiex se jieqfu qabel ma jinstab min ordna l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dan minkejja li l-Pulizija waslet biex tarresta u tixli tliet persuni bl-eżekuzzjoni tal-qtil, filwaqt li għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex jinstabu l-mandanti.
“Our message is that we will not let the people who ordered her murder, who killed her to get away with it,” qal Azzopardi fuq l-istazzjon tal-aħbarijiet.
Waqt il-laqgħa tal-kumitat f’Pariġi, li kellha attendenza fqira ħafna, id-deputati Stefan Zrinzo Azzopardi u Manuel Mallia ddefendew isem Malta minn dan ir-rapport u ressqu bosta emendi biex jikkoreġu dak li hu skorrett fir-rapport.