L-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi tilef libell li fetaħ lill-Ministru Owen Bonnici dwar l-iskandlu tal-art li kienet okkupata mill-birrerija Lowenbrau.
F’Jannar ta’ sentejn ilu Azzopardi kien fetaħ libell lill-Ministru Bonnici wara li qal li kien ħassu mmalafamat b’fatti ġodda li Bonnici kien żvela dwar l-investigazzjoni li kien għamel l-Awditur Ġenerali dwar it-trasferiment tal-art f’Ħal Qormi.
Fil-konferenza stampa, il-Ministru Bonnici kien żvela informazzjoni ġuramentata li Żaren Vassallo mar jiltaqa’ ma’ Jason Azzopardi u qallu li se jfittxu kompromess dwar problema li nqalgħet fuq it-trasferiment tal-art.
Dakinhar Bonnici żvela li l-kompromess kien li jinħatru tliet periti li stmaw il-kundizzjonijiet tal-art bil-valur tal-1990 u mhux bil-valur tas-suq ta’ meta seħħ it-trasferiment. Dan bil-konsegwenza li l-poplu Malti tilef miljuni kbar mit-trasferiment tal-art pubblika.
Il-qorti qalet li Azzopardi naqas milli jtella’ jixhed lil Żaren Vassollo biex jiċħad dak li kien qal bil-ġurament quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Azzopardi lanqas ma tella’ l-qorti lill-eks ministru Tonio Fenech li kien iddikjara li kieku l-file ġie quddiemu kien jibagħtu għand Jason Azzopardi.
Fix-xhieda tiegħu, Jason Azzopardi qal bil-ġurament li hija gidba faħxija li jiġi Owen Bonnici jgħid li hu ltaqa’ ma’ Żaren Vassallo biex isibu kompromess.
Madankollu l-Qorti qalet li l-Ministru Owen Bonnici għamel il-kummenti tiegħu bbażati fuq xhieda mogħtija bil-ġurament minn Żaren Vassallo fil-Qorti, liema xhieda ma ġiet bl-ebda mod kontradetta mill-istess Vassallo.
Il-qorti qalet li Owen Bonnici kien qed jikkummenta dwar fatti bbażati fuq xhieda ġuramentata ta’ persuna li fi kliem Bonnici huwa magħruf ħafna għad-donazzjonijiet li jagħti lill-Partit Nazzjonalista.
Il-qorti nnotat ukoll ix-xhieda li ta Albert Mamo, fi kliemha persuna rispettabbli ħafna fiċ-Ċivili li fix-xhieda tiegħu stqarr li kien il-Ministru Jason Azzopardi li ċempillu dwar il-każ.
Il-Qorti rrefereiet ukoll għall-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tal-Awditur fejn sostna li l-Ministru (Jason Azzopardi) kellu jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li sejjaħ bħala gross misrepresentation of the value of the land.
Il-qorti qalet li minkejja ċ-ċaħda ta’ Azzopardi, jirriżulta mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li huwa ċar li meta ssir referenza għall-ministru, dan kien Jason Azzopardi.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti ċaħdet it-talba tal-libell u ordnat lil Jason Azzopardi jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.