Il-Qorti tal-Appell rrevokat sentenza tal-ewwel qorti u ddeċidiet li m’hemm ebda bażi għal investigazzjoni dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-kumpanija VGH.
Il-kawża miftuħa minn Repubblika, li l-avukat tagħha huwa d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talbet inkjesta biex tistabbilixxi jekk kienx hemm kompliċità kriminali mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Minsitru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Minisrtru għall-Ekonomija Chris Cardona fl-għoti tal-kuntratt.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell sostniet li d-deċiżjoni tal-ewwel qorti li ssir inkjesta fl-in genere kienet magħmula b’nuqqas li ma setax jitqies li huwa wieħed ta’ ftit importanza, iżda ta’ importanza kbira.
Sostniet li l-ewwel qorti ma setgħet qatt tasal għall-konklużjoni li waslet għaliha u għalhekk laqgħet it-talba tat-tliet ministri u rrevokdat id-digriet tal-ewwel qorti.
B’reazzjoni, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li saret ħsara sew lilu personalment u sew lil Malta minn grupp li jasal għalkollox. Il-Ministru Scicluna ddeskriva din l-esperjenza bhala wahda tal-biża’. Huwa qal li jinsab kuntent li s-sewwa rebaħ fuq il-ħażen.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Qorti xejnet il-qlajjiet ta’ Repubblika dwar VGH u l-konċessjoni tal-isptarijiet li kienu msejsa biss fuq spekulazzjonijiet. Sostna li l-Qorti Kriminali wettqet ġustizzja u s-saltna tad-dritt rebħet fuq l-assassinju tal-karattru.
Min-naħa tiegħu, il-Minsitru Cardona qal li għal darb’oħra ħareġ ċar li l-qlajjiet u l-attakki ta’ Repubblika kienu msejsa fuq spekulazzjoni u mmirati biex iħammġu isem Malta u jgerrxu l-investiment.