L-Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi rtira l-appell fil-konfront tal-Perit Andrew Ellul wara li għaddih minn martirju b’rabta mal-inkjesta li jrid jiftaħ dwar xogħlijiet infrastrutturali fi Triq in-Nadur, Għawdex.
Kien fi żmien il-Milied li għadda meta l-eks Deputat tal-establishment Nazzjonalista ried idaħħal lill-Perit Ellul, flimkien mal-Ministru Clint Camilleri u martu Deborah, fost oħrajn, f’inkjesti separati. Tali talbiet ġew miċħuda kollha ftit tal-jiem ilu mill-Maġistrat Bridgette Sultana, hekk kif sabet li ma ġewx ippreżentati provi biżżejjed minn Azzopardi nnifsu.
Azzopardi appella minn din id-deċiżjoni u beda dak li ġie deskritt bħala l-agħar attakk fl-istorja tal-ġudikatura mill-estremisti tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt Azzopardi fetaħ attakk frontali kontra l-Maġistrat Brigitte Sultana, li ma laqgħetlux it-talbiet, billi implikaha f’reat b’kompliċità mal-Gvern.
L-Avukat tal-għaqda Repubblika żied id-doża tal-attakk isteriku tiegħu meta implika membru ieħor tal-ġudikatura, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li skontu kitbet id-digriet hi flok il-Maġistrat Sultana. Wasal sal-punt li jitlob dik li, fi kliemu, għandha tkun “investigazzjoni fuq diversi livelli” fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ maġistrati.
Iżda wara dawn t-teatrini u l-attakki kollha, fis-sigħat li għaddew, Azzopardi daħħal ittra għand l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn irtira l-appell fil-konfront tal-Perit Ellul biss.
Bil-mistoqsija tiġi waħedha: min se jikkumpensa mit-tbatija li għadda minnha l-Perit u familtu f’dawn iż-żminijiet? Meta għamel dan, Azzopardi mill-ġdid ammetta li reġa’ gideb fuq ħaddieħor.
Ta’ min ifakkar kif Jason Azzopardi anke ammetta li għamel allegazzjonijiet foloz kontra s-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol, qabel talab skuża li għalih kienet aktar minn biżżejjed.
L-avukat tal-għaqda Repubblika wkoll talab biex jinfetħu bosta inkjesti oħrajn, fosthom kontra l-Ministru Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, li wkoll ġew miċħuda mill-Qorti, inkluż fl-appell.