Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talli s-Sibt filgħaxija ddefendih.
Ftit minuti wara li Delia tkellem, fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Jason Azzopardi rringrazzja lil Delia li appoġġjah wara li fetaħ kwerela kontra l-Prim Ministru, il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta u ħdax-il membru tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52.
Jason Azzopardi rringrazzja wkoll lil grupp parlamentari Nazzjonalista li qed jappoġġjah wara li talab biex jibgħat għomor il-ħabs lill-Prim Ministru u lis-suldati hekk kif akkużahom bi qtil ta’ immigranti.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Delia ħareġ għonqu għall-kelliem tiegħu li wasal biex jakkuża lill-Prim Ministru u lill-membri tal-Armata bi qtil volontarju ta’ immigranti.
Il-Partit Laburista qal li dan l-aġir seħħ fi żmien meta r-riżorsi kollha ta’ pajjiżna jinsabu ffukati fuq il-ġlieda kontra l-Coronavirus f’nofs emerġenza tas-saħħa pubblika.
“Għar-ritratti, Delia mar għand il-Forzi Armati u sejħilhom tarka ta’ pajjiżna”, saħaq il-Partit Laburista li temm jgħid li fil-konkret Delia lanqas kien kapaċi jikkundanna lid-deputat tiegħu li ffirma biex jitfa’ l-ħabs lill-istess Forzi Armati li qed jissagrifikaw kollox għas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/18/delia-jiddefendi-lil-azzopardi-u-jirrepeti-l-akkuzi-ta-habs-fuq-il-pm-u-s-suldati/