L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi attakka lid-Deputat attwali Mark Anthony Sammut, li ġie elett minfloku mir-Raba’ Distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali. F’messaġġ indirett fuq il-midja soċjali hu spiċċa saħansitra “jżejnu” b’diversi titli dispreġġjattivi.
Fil-fatt, fl-istil tipiku tiegħu fejn ma jagħti l-ebda ismijiet, imma b’lingwaġġ ċar li jista’ jinftiehem minn kulħadd, Azzopardi indika li Sammut hu persuna egoista, mimlija regħba u anke poxt li, biex jasal hu, lest li jagħti d-daqqiet ta’ sikkina f’dahar sħabu.
Waqt li ħa spunt mir-riżenja ta’ Michael Piccinino minn Segretarju Ġenerali biex, kif qal hu, joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, Azzopardi qallu li r-Raba’ Distrett u l-Partit Nazzjonalista għandhom bżonnu.
L-indikazzjoni, iżda, kienet ċara biex Piccinino jirnexxielu jieħu post Sammut, l-uniku kandidat Nazzjonalista elett fid-distrett.
Sa qabel l-2022, ir-Raba’ Distrett, magħmul minn Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija, il-Gudja u parti mill-Fgura, kien meqjus bħala l-fortizza ta’ Azzopardi.
Waqt li indika li se jkun wara l-kandidatura ta’ Piccinino, fil-messaġġ tiegħu b’attakk dirett fuq Sammut fejn qallu li lest jagħmel kollox biex jasal, Azzopardi kiteb hekk:
“Urihom li l-politika mhijiex poxtiżmu, daqqiet tas-sikkina f’dahar sieħbek stess, li ħadd m’għandu prezz, imma kulħadd għandu valur imprezzabbli, mhijiex egoiżmu sfrenat, mhijiex regħba, mhijiex il-politika tas-serp li jbiegħ lil ommu basta jasal hu”.
Fl-istess ħin li żejjen lil Piccinino b’titli bħal “uman, sensittiv, onest, ħabrieki, bieżel u li ma jafx x’inhu għażż”, Azzopardi jidher li ried jgħid ukoll li Mark Anthony Sammut assolutament m’għandu xejn minn dan kollu.
Hu ħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali uxxenti tal-Partit Nazzjonalista biex issa jwettaq dmiru wkoll fir-Raba’ Distrett u jiżbarazza minn min lilu ppoxtjah qabel l-aħħar elezzjoni.