L-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, instab ħati mill-Qorti li gideb fuq id-Deputat Laburista Carmelo Abela meta qal li dan kien assoċjat ma’ kriminali u anke involut fil-hold-up tal-HSBC fl-2010.
Hu ġie kkundannat iħallas id-danni lil Abela fl-ammont ta’ €7,000.
Il-Qorti sabet li ma kienx minnu dak li allega Azzopardi fuq Abela meta, f’dikjarazzjoni fuq Facebook f’April tal-2021, indika li, meta kien impjegat tal-istess bank, id-Deputat Laburista kien kompliċi f’waħda mill-akbar serqiet li ġew ippjanati f’pajjiżna u kien imwiegħed is-somma ta’ €300,000 għal sehemu.
Il-gidba ta’ Azzopardi kienet imġebbda wkoll biex tinkludi l-akkuża li Abela għadda xi filmati interni tal-bank lill-kriminali, iffaċilitalhom l-aċċess għall-bank fuq ġewwa u saħansitra ta struzzjonijiet biex jitwettaq ir-reat.
Carmelo Abela mill-bidunett dejjem ċaħad dawn l-akkużi infondati, li l-ewwel ma semmihom kien Vince Muscat l-“Koħħu”, involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Issa Abela ngħata raġun it-Tnejn filgħodu mill-Qorti fis-sentenza tagħha fil-kawża ta’ libell, li l-istess Deputat Laburista kien fetaħ kontra Jason Azzopardi, fejn instab li dawn kienu biss invenzjonijiet.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkundannat il-mod irresponsabbli li mexa bih Azzopardi meta, flok kien diliġenti qabel ippubblika l-allegazzjonijiet dwar reat maġġuri, dehrlu li għandu raġun jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
Il-Qorti fakkret li l-jedd tal-libertà tal-espressjoni ma jista’ qatt jiġi interpretat bħallikieku jagħti protezzjoni lil min jippubblika kif ġieb u laħaq fuq mezzi soċjali aċċessibbli lil firxa wiesa’ ta’ persuni u b’mod indefinit. Tali akkużi li kapaċi effettivament iħassru r-reputazzjoni ta’ individwi mingħajr ma jiġi aċċertat li teżisti bażi fattwali konkreta u oġġettivament li tiġġustifikahom.
Għaldaqstant iddikjarat li l-kitba ta’ Azzopardi hi libelluża u malafamanti fil-konfront ta’ Carmelo Abela u ordnatlu jħallas id-danni morali ta’ €7,000.
L-Avukat Pawlu Lia assista li Abela, waqt li Jason Azzopardi kien rappreżentat mill-Avukat Joe Zammit Maempel.
Sadanittant, dwar dan, ikkummenta wkoll il-Prim Ministru Robert Abela li, fuq il-midja soċjali, reġa’ tenna li t-tfigħ ta’ tajn bl-iskop li forsi jeħel xi ħaġa m’għandu qatt post fis-soċjetà u enfasizza li se jkompli jieqaf lil dawn it-tip ta’ kampanji, intiżi biss biex iħammġu u jirrovinaw individwi li għandhom ħafna x’joffru lill-pajjiż.