Meta kien qed jixhed f’kawża relatata mal-konċessjoni tal-isptarijiet, skont l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, l-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, ikkonferma l-leaks mill-istess inkjesta maġisterjali, li ppubblika minn żmien għall-ieħor fuq il-midja soċjali.
Jason Azzopardi qal li hu jtella’ ħafna stqarrijiet fuq Facebook u, għalhekk, f’xi istanzi jkun nesa għalxiex kien qed jirreferi, bid-Difiża turih sensiela ta’ stqarrijiet li kiteb.
Minkejja dan, meta mistoqsi dwar l-oriġini tagħhom f’diversi istanzi qal li m’għadux jiftakar u nesa. Drabi oħrajn qal li hu marbut bis-sigriet li ma jitkellimx.
Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti u taħt ġurament, fejn ukoll kien imwissi li bix-xhieda tiegħu jista’ jinkrimina ruħu, Azzopardi qal li jillimita ruħu għal dak li jkun fid-dominju pubbliku.
Minkejja dan, ftit tal-ħin wara, mistoqsi dwar jekk kienx jaf minn qabel bir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, li ġie ppubblikat f’April tas-sena li għaddiet, Azzopardi indika li kien jaf bih minn qabel u argumenta li hu kien ilu 25 sena fil-Parlament u, allura, hemm xi nies impjegati tal-Parlament li jgħidulu, għax, skontu, ikunu jafu minn qabel.
Hawn, iżda, ma semma lil ħadd b’ismu fejn ġab l-argument tas-sigriet professjonali, bid-Difiża tirrimarka li Azzopardi juża tali skuża kif u fejn jaqbillu, anke biex ma jweġibx għall-mistoqsijiet.
B’rabta ma’ dikjarazzjoni li kien għamel fuq il-midja soċjali fejn kien qal li kien se jiġri xi ħaġa kbira fix-xahar t’April, Azzopardi reġa’ rrikorra għall-istess tweġiba u qal li ma jiftakarx għalxiex kien qed jirreferi, minkejja li kienet referenza ovvja għall-istess rapport tal-Awditur Ġenerali.
Meta mistoqsi jekk hux ġieli kellem lill-espert tal-Qorti, Keith Cutajar, Azzopardi qal li qatt ma kellmu b’rabta mal-inkjesta, iżda qal li pprova jċempillu biex jgħaddilu xi informazzjoni.
F’seduta qabel f’din il-kawża, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien, iżda, xehed li l-espert Cutajar irrapporta li Jason Azzopardi kien ċempillu ħafna drabi, iżda hu ma kienx irrispondih.