Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dalgħodu uża l-facebook biex ipprova jbenġel il-ksur ta’ liġi tiegħu meta għal diversi snin ma ddikjarax it-taxxa tiegħu.
Iktar minn hekk fl-aħħar sigħat irriżulta wkoll li meta saħansitra daħħal id-dikjarazzjoni ta’ dħul tiegħu qal li ma jaqla’ xejn mill-professjoni.
Xi ħaġa li qajmet bosta mistoqsijiet u li sal-lum Azzopardi għadu ma qal xejn dwarha.
Iffaċċjat b’dan l-aġir, li jġib fix-xejn id-diskors kollu tiegħu fuq governanza tajba, Jason Azzopardi kompla jippersisti fl-iskużi u n-nuqqas ta’ verità.
Mimli arja għax il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li wkoll għandu karriera ma jħallasx it-taxxa, qabeż għalih, Jason Azzopardi pprova jagħti l-impressjoni li l-kwistjoni tiegħu hi biss li daħħal il-formola ta’ taxxa tard iżda, skont dak żvelat minn ONE News fl-aħħar jiem jirriżulta li Azzopardi għandu vizzju li ma jiddikjarax it-taxxa tiegħu.
Dan għal sena wara oħra.
Wara kollox kif kien għal snin twal għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
L-iskuża li qed tintuża hi li Azzopardi ma ddikjarax it-taxxa għaliex kien qed jissepara, għalkemm eluf ta’ Maltin li għaddew minn spearazzjoni jafu li t-taxxa titħallas xorta waħda anke meta jkunu qed jisseparaw.
Iktar minn hekk irriżulta li meta wara snin jiġi jaqa’ u jqum mill-obbligi legali tiegħu, meta ndenja jdaħħal il-formola tat-taxxa ma ddikjarax imqar ewro dħul mill-professjoni legali tiegħu, anki jekk bosta qalulna li jiftaħar kemm hu Avukat imqabbad.
Dwar l-aġir ta’ Jason Azzopardi ntalab jinvestiga wkoll il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.