Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi reġa’ fetaħ attakk ieħor fuq Adrian Delia.
F’kontro protest ġudizzjarju li ressaq għall-protest ġudizzjarju li ressqu l-Avukati ta’ Yorgen Fenech, Jason Azzopardi qal li l-għada tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet, Fenech talab lit-tmexxija Nazzjonalista, dak iż-żmien ta’ Adrian Delia biex teħles minnu.
Din hija t-tieni allegazzjoni ta’ Jason Azzopardi diretta lejn it-tmexxija Nazzjonalista ta’ Adrian Delia b’rabta mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019.
Jason Azzopardi u deputati oħra tal-Blue Heroes, fosthom David Thake, kien akkuża li Delia ħa flus biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa.
Fit-tmexxija Nazzjonalista kien hemm ukoll Pierre Portelli, dak iż-żmien tal-allegazzjonijiet inkwistjoni kien l-id il-leminija ta’ Delia.
B’dan l-attakk ġdid fuq Delia minn Jason Azzopardi inkiser is-suppost ftehim ta’ paċi li tant ftaħar bih il-Kap Bernard Grech, b’uħud fid-Dar Ċentrali qalulna li l-ftehim bejn Azzopardi u Delia f’Mejju li għadda ma kien ftehim xejn għajr li Jason Azzopardi rtira momentarjament l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Delia.
Dan tant hu minnu tant li sa tliet xhur wara li Jason Azzopardi ammetta li ma kienx qal il-verità fuq Adrian Delia, issa l-istess Jason Azzopardi reġa’ beda jispara fuq Adrian Delia u jallega fuq il-qrubija bejn l-eks Kap Nazzjonalista u l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Intant l-Avukati ta’ Yorgen Fenech qed jargumentaw li Jason Azzopardi fetaħ attakk sistematiku kontra l-Imħallef Giovanni Griscti, sigħat qabel mal-Imħallef kellu jiddeċiedi fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech.
L-Imħallef Griscti ddeċieda li Yorgen Fenech għandu jibqa’ jinżamm arrestat.
Fenech tpoġġa taħt att ta’ akkuża mill-Prosekuzzjoni biex jgħaddi ġuri mixli bil-kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
Dakinhar tal-pubblikazzjoni tal-att ta’ akkuża, l-Imħallef Griscti kien iffaċċjat b’ittra li ntbagħtet lill-Prim Imhallef mingħand Jason Azzopardi u akkużah b’kunflitt ta’ interess għar-raġuni li fl-2008, Dr Griscti li kien għadu mhux Imħallef, kien xtara dgħajsa mingħand George Fenech, missier Yorgen Fenech.
L-ittra kienet segwita wkoll minn attakk fil-konfront tal-Imħallef Griscti permezz ta’ kitbiet fuq Facebook mill-istess Jason Azzopardi, Simon Busuttil u numru ta’ esponenti tal-għaqda Repubblika fosthom Manuel Delia.
Quddiem dan kollu, Jason Azzopardi tkaża b’akkwist leġittimu ta’ dgħajsa li għaliha Dr Griscti ħallas fl-2008 iżda fl-istess sena, Jason Azzopardi tkarrab u akkwista b’xejn coffee morning mingħand Yorgen Fenech.
Dan id-dettall jingħaqad mal-fatt li Jason Azzopardi tħallsitlu wkoll kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv, l-Iżrael, mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dakinhar Jason Azzopardi kien mar għal tieġ u qagħad fil-lukanda Hilton li tagħti fuq ix-xtajta tal-belt Iżraeljana iżda wara fuq ix-xandir, Jason Azzopardi qal hekk meta spiċċa mistoqsi ħax xi ħaġa mill-grupp ta’ Fenech.