Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għamilha ċara internament li fix-xhur li ġejjin irid ikun fuq quddiem nett u fil-kontroll tan-narrattiva politika tal-Partit Nazzjonalista.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd hekk kif spjegat li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ċediet għal Jason Azzopardi.
Fil-fatt il-gazzetta tenniet li l-aħħar ġimgħa kienet l-akbar xhieda ta’ dan b’Jason Azzopardi jiddomina l-preżenza kuljum f’isem il-Partit, fil-midja u f’konferenzi ewlenin,
Sors partikolari tal-KullĦadd qal li Jason Azzopardi ħa over anke fuq Bernard Grech innifsu.
Internament fil-Partit ta’ Bernard Grech intqal li Azzopardi insista li dan irid ikun rikonoxxut u jkun ippreferut fuq kandidati oħrajn wara l-attakki anke dawk personali li għamel fuq il-Partit Laburista.
Madankollu sorsi tal-gazzetta KullĦadd sostnew li għal din id-deċiżjoni kien hemm reżistenza. Fost l-oħrajn inġieb l-argument li Azzopardi għandu karriera u storja twila li faċilment tagħtih it-timbru ta’ giddieb ivvizzjat fosthom dwar affarijiet personali, rigali u saħansitra allegazzjonijiet li għamel fil-konfront ta’ persuni oħrajn.
Dawn li kienu kontra din il-prijorità fuq Jason Azzopardi fakkru wkoll kif huwa kien ikkundannat għadd ta’ drabi mill-Awditur Ġenerali, waqt li l-Qorti lokali saħansitra qalet li kellu jerfa’ responsabbiltà politika.
Madankollu minkejja dan, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li fid-Dar Ċentrali sar magħruf li tlaqqam bħala l-‘Kenwood,’ reġa’ ma kellux triq oħra għajr li jċedi għat-talbiet tal-istess Azzopardi.
Dan hekk kif sorsi tennew kif Jason Azzopardi fakkar lil Bernard Grech kemm kien kruċjali biex ġablu l-appoġġ ta’ dawk li, fl-istess perjodu, tlaqqmu l-“Blue Heroes”, biex tqiegħed Kap minflok Adrian Delia.
Fost oħrajn issemmiet il-famuża laqgħa f’kafetterija f’Tas-Sliema fejn it-tnejn kienu nqabdu anke fuq filmat f’kantuniera jikkonfoffaw parti mill-pjan ta’ konġura li immina lil Delia.
Il-KullĦadd spjegat ukoll li bħal Jason Azzopardi qiegħed jagħmel hekk ukoll Beppe Fenech Adami li jinsab imħasseb sew bil-preżenza tal-eks Kap Adrian Delia fuq it-tmien distrett.
L-imkejjen fid-Dar Ċentrali, li tkellmu mal-Kullħadd, qalu bla tlaqliq li l-Kap “kompla jitlef il-kontroll … jekk qatt kellu!”. Jidher li, anke b’riżultat tat-taħwid ta’ Grech u t-tentattivi falluti tiegħu li jipprova juri xi tip ta’ setgħa għandu, tal-establishment Nazzjonalista se jkomplu jimponu iżjed lilhom infushom fuqu tant li diġà rriduċewh bħala insinifikanti