L-eks Deputat Nazzjonalista u Avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi ma jiqafx jissorprendi għall-ipokrezija grassa tiegħu.
Din id-darba reġa’ għamilha billi rikeb fuq każ sfortunat ta’ tfajla ta’ 15-il sena u l-familja tagħha li ġiet attakkata minn grupp ta’ żgħażagħ, sempliċiment biex jikseb kapital fin-negattività sintomatika tiegħu kontra dak kollu li jiċċaqlaq taħt Gvern Laburista.
Fil-każ, li din il-ġimgħa nbdew proċeduri kriminali kontra żagħżugħ ta’ 21 sena wara aggressjoni bl-armi fuq it-tfajla, li Azzopardi qed jiddefendiha fil-Qorti bħala parte civile, dan il-perċimes tal-‘Blue Heroes’ ikkritika lill-Gvern, għax ma jistgħux jittieħdu passi kriminali wkoll kontra tfajla oħra, li kienet ukoll involuta, minħabba li għad għandha 13-il sena.
Biċ-ċiniżmu soltu tiegħu, l-avukat ta’ Repubblika kiteb fuq il-midja soċjali fejn qal lill-poplu biex jirringrazzja lill-Gvern għax għaxar snin ilu għolla l-età tar-responsabbiltà kriminali minn 12 għal 14-il sena.
Minkejja dan, riċerka sempliċi ta’ ONE News sabet li, fl-2014, meta tressaq abbozz ta’ liġi mill-Gvern Laburista biex tinbidel il-liġi, l-istess Azzopardi kien ivvota favur l-istess bidla.
Il-liġi l-antika kienet ukoll tiġi kkritikata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda, għax kienet tiddikjara li l-età ta’ 12-il sena kienet wisq baxxa.
Azzopardi, li issa qed jikkritika din il-bidla, dak iż-żmien kien membru Parlamentari u mhux biss ma ħax sehem fid-dibattitu Parlamentari fl-istadju tat-Tieni Qari u lanqas ipparteċipa fl-istadju ta’ kumitat.
Biex tgħaxxaq, l-emendi proposti għaddew nem.con, li jfisser li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni vvotaw b’mod unanimu biex il-liġi tinbidel. U allura Jason Azzopardi nnifsu, bħala deputat, approva l-istess bdil fil-liġi.
Xi ħaġa li Azzopardi llum mhuwiex jgħid u kif jidher lanqas qal b’dan kollu lill-familja tal-istess tfajla, li llum nassumu qed iżommilhom il-flus biex jirrappreżentahom fil-Qorti.
Dan anke jekk ukoll talab il-permess tagħhom biex juża l-każ fuq il-midja soċjali u jagħmel kapital minnu.
Prova oħra ċara tal-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista u l-friegħi tiegħu, inkluż Azzopardi, li hu perċimes fl-establishment Nazzjonalista u prim responsabbli biex tpoġġa Bernard Grech bħala Kap erba’ snin ilu.