Jason Azzopardi tenna li l-Partit Nazzjonalista għandu l-aqwa manifest fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
Dan qalu f’attività politika f’Ħal Tarxien ftit tas-sigħat qabel l-Partit Laburista approva l-manifest tiegħu b’elf proposta konkreta u li jiswa tliet biljun u tliet mitt miljun ewro.
Fl-istess attività politika Jason Azzopardi qal lil dawk preżenti biex jemmnu li ser jirbħu l-elezzjoni.
Qal, “Iva ħbieb tiegħi nirbħuha l-elezzjoni.”
Kien hawnhekk fejn qal li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, li fi ftit ġimgħat inbidel minn tal-inqas ħames darbiet, huwa l-aqwa programm elettorali li qatt kellu partit politiku f’pajjiżna.
Azzopardi stqarr, “U qiegħed hawn biex ngħidilkom li jekk inkomplu naħdmu u dan il-programm elettorali, li huwa by far l-aqwa programm elettorali li qatt kellu xi partit politiku f’Malta.”
F’diskors sinonimu ma’ politika tas-sittinijiet Jason Azzopardi spiċċa jirreferi għan-Nazzjonalisti bħala nies konvertiti.
Żied jgħid, “U l-appell tagħna hawnhekk mhux aħna biss, aħna konvertiti.”
Il-kandidat Mark Anthony Sammut appella lin-nies jivvotaw biex wara s-26 ta’ Marzu Bernard Grech isir Prim Ministru.
Sammut qal, “Biex wara s-26 ta’ Marzu, il-Prim Ministru ta’ Malta ikun jismu Bernard Grech.”
Kandidata oħra wkoll tenniet li l-Partit Laburista m’hu joffri xejn lin-nies.
Bonello stqarret, “Aħna bi pjan konkret, robust u ċar u kulħadd. Min-naħa l-oħra ma jippjanaw xejn u ma jagħtu xejn lil nies.”
U fost ’l hekk imsejħa konvertiti ta’ Jason Azzopardi, kandidata oħra talbithom biex jitolbu flimkien sabiex l-anġlu li ħabbar lill-Marija illum iwassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista lill-elettorat.
Doris Borg tenniet, “U hawnhekk f’dan ir-raħal niċċelebraw il-festa tal-Lunzjata, meta l-anġlu ta l-bxara manifika lil Marija. Issa ngħaqdu miegħi ħbieb, ħalli nitolbu lil Alla ħalli issa lilna jwassal messaġġ tajjeb, dak li l-Partit Nazzjonalista jieħu dak li jixraqlu jiġifieri t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.”
L-istess attività politika indirizzaha wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li kompla jitkaża għaliex il-ġurnalisti jistaqsuh għad-dettalji dwar il-wegħdiet tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista qal, “U jekk jgħidulna kif se tagħmlu, serħu raskom, l-istess kif għamilna Gvernijiet Nazzjonalisti qabel.”
F’diskorsu Bernard Grech spiċċa jmeri s-sewwa magħruf hekk kif dwar l-investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro f’seba’ snin fuq it-toroq f’pajjiżna huwa qal li dawn saru minn fondi Ewropej.
Dan meta fil-fatt is-seba’ mitt miljun ewro huma kollha kemm huma fondi nazzjonali skont il-wegħda elettorali mwettqa tal-Partit Laburista.
Tenna, “F’dawn l-aħħar ħames snin dan il-pajjiż nefaq ‘il fuq minn seba’ mitt miljun ewro, fondi Ewropej li ġew bis-saħħa li dħalna fl-Unjoni Ewropea biex saru numru ta’ toroq.”
Dwar is-sistema ta’ tramm bla linji li qed iwiegħed Bernard Grech huwa reħielha jiftaħar kemm dan it-tramm ser ikun fil-ħin.
Qal, “Imma l-isbaħ ħaġa bis-sistema tagħna hija li inti mhux biss se jkollok sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti, illi jasal f’inqas ħin imma li jasal fil-ħin.”
Frisk itenni din id-dikjarazzjoni, Grech bħal donnu antiċipa lil dawk kollha li f’moħħhom feġġet il-memorja tal-falliment tal-Arriva fi żmien Gvern Nazzjonalista u spiċċa jgħid dan il-kliem.
Tenna, “Għax min tafu ssaqsix għalih.”