L-Eks Deputat Nazzjonalista u wieħed mill-perċimes tal-establishment Nazzjonalista, Jason Azzopardi, infexx f’dagħdigħa fuq Facebook u għal diversi drabi għajjar ‘żibel’ lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg.
Hu għamel dan f’dikjarazzjoni marbuta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia u l-fatt li l-Maġistrat Marsanne Farrugia mill-ġdid talbet għal estensjoni ta’ tletin jum ieħor ħalli tkun tista’ tkompli bl-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-istess każ li seħħ seba’ xhur ilu.
Filwaqt li għajjar lill-Avukat Ġenerali wkoll bħala ‘agħar miż-żibel,’ Jason Azzopardi ntilef fuq il-legaliżmi b’rabta mat-talba għal-estensjoni f’każ ta’ inkjesta maġisterjali.
Madankollu, permezz ta’ dikjarazzjoni wkoll fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, sostna li, ladarba l-Avukat Ġenerali għamlet rikors dwar id-dewmien fl-inkjesta, li hu l-unika mezz kif iżżomm il-Maġistrat Inkwerenti kontabbli, allura għandna Prosekutur Ewlieni li qed jagħmel xogħlu.
Filwaqt li rrefera għall-proċedura legali li semma Jason Azzopardi, jiġifieri dik ta’ rikors dwar id-dewmien fuq l-inkjesta maġisterjali, il-Ministru Jonathan Attard sostna li din ilha tintuża s-snin.
Tant hu hekk, qal il-Ministru, li l-Avukat Ġenerali daħlet 505 rikorsi ta’ dan it-tip f’inkjesti maġisterjali pendenti matul is-sena li għaddiet biss.
Attard ikkundanna wkoll bla riservi l-attakki insensati fil-konfront tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li staqsa fejn huma dawk li kienu pronti joħorġu jattakkaw lill-Gvern għax appella għall-effiċjenza fl-għeluq tal-inkjesta.
Hu temm isostni mill-ġdid il-ħtieġa li l-inkjesta maġisterjali tingħalaq b’mod tajjeb u fil-ħin.