Il-qasma fil-Partit Nazzjonalista kompliet isaħħan l-irjus ta’ dawk involuti hekk kif f’dagħdigħa ta’ tgħajjir, id-Deputat Jason Azzopardi spiċċa għajjar kunsilliera Nazzjonalista tal-Kunsill tal-Marsa bħala ċerura, kretina u persuna xejn sew.
Azzopardi għamel dan permezz ta’ kitba fuq Facebook wara li l-Kunsilliera Charmaine Aquilina, li tappoġġja lil Delia kkummentat fuq mistoqsija fi grupp privat bl-isem ta’ Grupp PN. Hawnhekk membru fil-grupp staqsa xi tfisser li tkun psikopatiku bl-ewwel kumment ikun ta’ Aquilina fejn stqarret li hija persuna bħad-deputat Jason Azzopardi.
Ftit tal-mumenti qabel, Azzopardi kkummenta wkoll dwar l-artiklu ta’ Louise Tedesco li ddeskriviet lil nies qrib Simon Busuttil bħala Barra Brigade.
Hawnekk Azzopardi qal li hija ironija li sena wara li Delia pprova jkeċċi lil Busuttil, persuna qrib ħafna tiegħu għajret lill-fazzjoni ta’ Busuttil Barra Brigade. Hawnekk id-deputat ta’ Raħal Ġdid qal li n-nies ta’ Delia ma jridu jitgħallmu qatt għax iridu jkeċċu flok jgħaqqdu.
Din l-osservazzjoni ta’ Azzopardi ġabet magħha baraxx ta’ kritika fost in-nies membri fl-istess grupp sigriet tan-Nazzjonalisti.
Il-kummenti mill-partitarji Nazzjonalisti ħraxu u qlielu b’nies jikkummentaw favur u kontra Azzopardi u kien hemm min fakkru fl-iskandli li wettaq kemm dam ministru bħal dak tal-lowenbrau, nofs zokk, pulċinell, kummidjant, buffu u ġuda.
Oħrajn faħħru l-kitba ta’ Louise Tedesco li fi kliemhom kienet persuna li ddedikat ħajjitha għall-partit u li kien aħjar li Jason Azzopardi jagħlaq ħalqu għax huwa bniedem li jħossu ‘l fuq minn kulħadd.
Persuna li tkellem favur Azzopardi kien l-accountant Geodfrey Leone Ganado li bħalissa għaddej proċeduri legali kontrih wara li għajjar Membru Parlamentari Laburista bħala qaħba.
Leone Ganado qabel ma’ kliem Jason Azzopardi u fakkar lil dawk li kkummentaw f’numru ta’ karateristiċi ta’ Adrian Delia fosthom il-kliem ħażin, persuna li jixrob u akkużi ta’ vjolenza domestika.
Leone Ganado għalaq billi appella lin-Nazzjonalisti sabiex fil-vot ta’ fiduċja li se jittieħed is-Sibt kulħadd jivvota LE biex Delia jiġi sfiduċjat.