Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kompla bis-sensiela ta’ gideb u tgħajjir minn tiegħu.
Din id-darba fil-mira reġa’ kien il-Prim Ministru, b’Azzopardi jgħid li l-Prim Ministru wasal għas-summit f’Versailles meta spiċċa kollox.
Dan meta ma kienx il-każ, bil-Prim Ministru jipparteċipa fil-laqgħat tal-Ħamis li damu sas sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu kif ukoll fil-laqgħat tal-Ġimgħa.
Din kienet it-tieni darba fi ftit jiem li l-Prim Ministru waqqaf l-impenji tal-kampanja elettorali biex jattendi Summit.
F’dan il-każ il-Prim Ministru baqa’ sejjer għas-Summit immedjatament wara d-dibattitu tal-Università ta’ Malta f’titjira diretta mħallsa mill-Kunsill Ewropew iżda Jason Azzopardi, li d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia jsejjaħlu giddieb pubblikament, kiteb: “Kemm hu tronġa… lanqas kien kapaċi jżomm appuntament… kif wasal qalulu ‘Fejn ġejt ruħi? Hawn spiċċa kollox!’”
Fl-aħħar jiem Azzopardi beda jingħata imbuttatura ikbar mill-Partit Nazzjonalista bid-Deputat jitkellem f’diversi laqgħat taħt it-tinda, konferenzi tal-aħbarijiet u programmi televiżivi.
Il-laqgħat li għalihom attenda l-Prim Ministru ffukaw fuq l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna.
Il-Prim Ministru tenna l-appell għall-paċi u l-waqfien mill-ġlied mill-aktar fis.
Dwar is-sħubija tal-Ukrajna, skont il-provedimenti tat-trattat, il-mexxejja qablu unanimament li tintalab opinjoni lill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li nnutaw b’mod pożittiv li f’dan il-mument delikat l-Ukrajna ħarset li ssir parti mill-familja Ewropea.
Temi oħra indirizzati kienu l-enerġija u l-ekonomija.