Jason Azzopardi ħareġ jattakka u jirredikola lil David Agius, eks Viċi Kap Nazzjonalista, illum il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali wara li dan tal-aħħar laqa’ t-twaqqif ta’ bord biex issir evalwazzjoni tal-proċessi marbuta mal-għoti ta’ benefiċċji soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u mid-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza.
Jason Azzopardi, li f’isem l-establishment Nazzjonalista għaddej b’attakk fuq il-Gvern, talab lill-Partit Nazzjonalista kif għandu jesiġi u jimxi u hija fuq din il-pressjoni li mbagħad it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech sejħet protesta.
Jason Azzopardi spiċċa jirredikola lil David Agius u qallu x’kellu x’jikteb fl-istqarrija li rreaġixxiet għal dik tal-Gvern dwar il-ħatra ta’ bord minkejja s-sistemi diġà robusti li meta ddentifikaw każijiet suspettużi, dawn ġew riferuti lill-Pulizija għall-investigazzjonijiet meħtieġa..
Tant Azzopardi irredikola u attakka lil Agius li qallu trid tagħmel dmirek mhux timxi fuq il-bajd.
Jason Azzopardi tal-Blue Heroes ħareġ jattakka u jirredikola lil David Agius li kien baqa’ leali lejn Delia u llum kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fejn qed jimmira li jieħu post David Casa, il-kandidat ta’ Jason Azzopardi.
Mhiex l-ewwel darba li esponenti tal-establishment Nazzjonalista u tal-għaqda Repubblika attakkaw esponenti tal-Partit Nazzjonalista stess fejn ma dehrilhomx li l-partit qed jimxi fuq dak iddettat.
Għamlu hekk fil-konfront tal-eks Kap Adrian Delia u anki Deputati tiegħu fosthom tal-aħħar li laqtuha kienu Rebekah Borg u anki Joe Giglio.
Tal-ewwel sfat attakkata minn ħaten Beppe Fenech Adami fuq prestazzjoni li kellha fuq ix-xandir filwaqt li Joe Giglio qalaha mingħand Karol Aquilina wara li mar ftit barra mil-linja ddettata mill-establishment dwar ir-Russa Maria Efimova mbagħad spiċċa mgħajjar mill-istess Partit Nazzjonalista stess fi stqarrija bħala Avukat difensur ta’ tender maħmuġ.
Dan dwar każ ta’ xiri ta’ dgħajjes minn Transport Malta li jirriżulta li l-entità ma ħallsitx għalihom għax ma kinitx kuntenta bihom iżda Giglio qed jiddefendi l-interessi ta’ dawk li qed jitolbu l-ħlas tad-dgħajjes.
Imbagħad l-establishment kompla jħalli l-marka tiegħu fejn b’mod ewlieni, il-Kap Bernard Grech sema’ minn dak li qallu u mexa kif esiġa hu.
Hekk ġara fuq il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika tant Bernard Grech l-ewwel mar lura minn kliemu għax hekk ordnawlu u ħareġ kontra l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi u issa reġa’ attakkah għax ma għoġbitux deċiżjoni li ħa.