Wara li fl-aħħar jiem il-Qorti kkonkludiet li l-kummenti li għamel Jason Azzopardi fil-pubbliku kienu jippreġudikaw il-każ ta’ Yorgen Fenech fejn jinsab akkużat bħala mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-eks Deputat Nazzjonalista ħareġ minnufih jattakka lill-Imħallef Edwina Grima għal din id-deċiżjoni tagħha.
Mingħajr ma jsemmiha b’isimha, l-avukat tal-għaqda Repubblika għamilha ċara f’post fuq Facebook li ma qabel xejn mal-konklużjoni kontrih mill-Imħallef, li wkoll ordnat biex titneħħa l-parti mill-intervista li mal-Lovin’ Malta fejn ingħad tali kliem.
Fil-Qorti s-Sibt, l-Imħallef Grima tat raġun lill-avukati ta’ Yorgen Fenech, li ilmentaw magħha li l-kummenti ta’ Azzopardi jippreġudikaw ġuri ġust meta dan qal li l-provi kollha jippontaw lejn Yorgen Fenech.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Grima sostniet li tali kummenti jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u anke jinfluwenzaw lill-ġurati, li għadhom iridu jintagħżlu fil-proċess għall-ġuri.
Iżda issa Azzopardi wkoll wera l-kuluri vera tiegħu u esprima n-nuqqas ta’ rispett lejn l-istituzzjoni ġudizzjarja, anke jekk il-ħin kollu jipprietka mod ieħor. Fil-fatt, fuq Facebook, indika li tali deċiżjoni tal-Qorti kienet “loġika bażwija u mnawra”.
Waqt li għamel referenza għal artiklu fil-MaltaToday il-Ħadd, miktub minn Saviour Balzan, Azzopardi ta x’jifhem li dak li qal hu, għax ma qalitux il-midja jew Balzan innifsu, kif skontu kien id-dover tagħhom, allura ġie kkundannat hu.
Esperti qalu lil ONE News li ma jeskludux li din kollha li logħba legali minn Azzopardi biex ikompli fuq l-għan tal-kummenti tiegħu, jiġifieri li jħarbtu l-proċeduri ġudizzjarji u teknikament iwasslu biex il-każ kontra Fenech jaqa’.