Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kkonferma l-istorja ta’ ONE News u ammetta li ma ddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Dan ħareġ minn rapport tal-Maltatoday fejn din il-midja tkellmet ma’ Jason Azzopardi u dan ammetta li għal numru ta’ snin ma ddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Huwa waħħal fil-proċeduri ta’ separazzjoni meta ma ddikjarax x’jaqla’.
Jason Azzopardi huwa membru ieħor fil-grupp parlamentari Nazzjonalista li għandu vizzju li ma jiddikjarax xi flus idaħħal.
Dan bħal Kap Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Kap ta’ qablu Adrian Delia.
Bis-saħħa li tagħtih il-liġi, editur reġistrat jista’ jitlob it-tax returns tad-deputati.
Fil-fatt ONE News talab lill-Ispeaker jagħtina t-tax returns ta’ Jason Azzopardi iżda mir-risposta tal-Ispeaker jirriżulta b’mod ċar li Jason Azzopardi mhux dejjem bagħat dawn ir-returns lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Biex b’hekk, Jason Azzopardi ma kienx qed jonora l-obbligi legali tiegħu, minkejja li jitkellem tant fuq il-governanza t-tajba.
Fl-istess jum li ONE News talab lill-Ispeaker dwar it-tax returns ta’ Jason Azzopardi, l-istess deputat rreaġixxa billi għamel aġġornament parlamentari fejn allega li sar frame-up fuq l-eks Kummissarju tat-Taxxi Interni u fih ipprova jimplika lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li mhux biss ċaħad iżda fakkar kif din kienet it-tielet gidba fi ftit żmien li għamel fuqu Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi kien tkellem hekk waqt il-ħin tal-aġġornament wara li l-Ispeaker, kif għandu l-obbligu li jagħmel, infurmah li l-midja staqsiet għat-tax returns tiegħu.
L-għada li ONE News staqsa dwar it-tax returns ta’ Jason Azzopardi, dan l-istazzjon huwa infurmat li Azzopardi żamm laqgħat ma’ strateġisti ta’ Bernard Grech li fihom għamilha ċara li jippretendi li l-Partit Nazzjonalista jaqbad in-narattiva tiegħu minnufih kull darba li jitkellem fil-Parlament.
Fil-laqgħa fakkar lill-istrateġisti biex jgħidu lill-Kap Nazzjonalista min poġġih hemm.
Nifhmu li Jason Azzopardi huwa konxju li l-Kap tal-Oppożizzjoni ftit li xejn għandu awtorità fuq dan l-aħħar każ żvelat dwar Jason Azzopardi għaliex Bernard Grech għamel snin ma jħallasx it-taxxa.