Illum id-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, ħarab milli jidher quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.
Is-seduta tal-lum reġgħet semgħet lix-xhud Ray Vella li kellu l-proprjetà tal-Fekruna u li għamel id-deal li l-gvern mar ħażin minnu. Meta spiċċa jixhed Vella, kien wasal il-ħin li jibda jixhed Jason Azzopardi.
Iżda Beppe Fenech Adami, iċ-ċermen tal-kumitat, beda jinsisti li issa kien sar il-ħin. Il-membri tal-gvern qalulu li minn tal-inqas kien baqa’ għaxar minuti skont dak miftiehem il-ġimgħa l-oħra. Beppe Fenech Adami qal li se jfittxu lil Jason Azzopardi li kien fil-bini. Iżda, mbagħad donnu sar minn kollox biex jintilef il-ħin tant li Azzopardi baqa’ ma wasalx.
Ix-xhieda ta’ Vella kienet ikkaraterizzata minn aġir agressiv u f’ħafna ħin beda jgħid li ma jiftakarx. Reġa’ intervjena wkoll l-avukat tiegħu li qal li jista’ jinkrimina ruħu jekk iwieġeb għal xi mistoqsijiet.