Nhar it-Tlieta filgħaxija fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi nqeda bil-privileġġ parlamentari u tefa’ dubji dwar sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell lill-eks uffiċjal tad-Dipartiment tas-Sajd li nstab ħati fuq frodi u ħasil ta’ flus.
Fl-istadju tal-appell is-sentenza ta’ priġunerija nbidlitlu għal waħda ta’ probation iżda ġie kkundannat li jħallas multa ta’ tlieta u sittin elf ewro.
Jason Azzopardi tefa’ dubju jekk l-avukat tal-prosekuzzjoni Charles Mercieca kellux xi ftehim mal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera iżda fil-kitba tas-sentenza tagħha, l-Imħallef qieset il-fatt li mir-rapporti tal-Uffiċjal tal-Probation jirriżulta li ħajjet l-appellant hija waħda stabbli u anke sab impjieg waqt li kienu għaddejjin dawn il-proċeduri kriminali.
Fil-Parlament, il-whip tal-Gvern Glenn Bedingfield saħaq kif Jason Azzopardi huwa preġudikat.
“Illi l-Imħallef niżlet fis-sentenza illi l-uffiċċju tal-avukat ġenerali m’oġġezzjonax. Allura kieku kien hemm xi ftehim minn wara dahar xi ħadd biex din il-persuna tinbidilha l-piena, l-Imħallef kienet se tkun qiegħda tniżżel in-nuqqas t’oġġezzjoni tal-Avukat Ġenerali fis-sentenza. Ma jarax l-Onor. Azzopardi illi din mhix tagħmel sens? Ma jarax illi huwa biss preġudikat kontra l-persuni?”
Id-deputat Laburista saħaq li Jason Azzopardi ried jattakka avukat li għandu kawża kontrih fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Li jinqeda mill-privileġġ parlamentari illi din il-Kamra tagħtih biex jattakka avukat ieħor illi jista’ jsib quddiemu f’kawża oħra meta terġa’ tissejjaħ il-kawża.”
Fil-Parlament, Bedingfield għamilha ċara li hemm inkjesta indipendenti li se tgħarbel l-aġir imsejjaħ irresponsabbli mill-Gvern ta’ Charles Mercieca li telaq mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ftit wara mar jaħdem fl-uffiċċju tad-ditta legali li qed tiddefendi lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Iżda huwa għamel mistoqsija leġittima lil Jason Azzopardi.
“Jekk kienx hemm avukat illi telaq l-AĠ u mar jaħdem mad-ditta legali tal-avukat Jason Azzopardi, jiċħadha jekk irid.”