L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia sab lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar kienet qajmet il-każ fis-seduta tal-bieraħ, meta ġibdet l-attenzjoni tal-Kamra u talbet ruling mill-Ispeaker, dwar ksur ta’ privileġġ fuq kitba ta’ Jason Azzopardi fuq Facebook, fejn hu qal li Cutajar għamlet użu minn lingwaġġ vulgari fil-konfront tiegħu.
Cutajar sostniet li hi qatt ma użat lingwaġġ bħal dan fil-konfront t’Azzopardi u lanqas ma’ Membri Parlamentari oħra.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-ispeaker Farrugia wasal għall-konklużjoni li l-kitba tad-Deputat Nazzjonalista kienet tammonta għal ksur ta’ privileġġ u ordnat lil Jason Azzopardi biex jirtira l-kitba minn fuq il-midja soċjali.
Fid-dawl li Azzopardi ma kienx fil-Kamra fil-ħin li nqara r-ruling minħabba li jinsab imsiefer fuq xogħol parlamentari, l-Ispeaker tah l-opportunità li jirtira l-kliem li qal sal-ewwel seduta li jkun disponibbli.
Fin-nuqqas li jagħmel dan, il-każ jitla’ quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-privileġġi.