L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia sab lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona.
Il-Ministru Cardona kien qajjem il-każ nhar it-Tnejn, meta ġibed l-attenzjoni tal-Kamra u talab ruling mill-Ispeaker għax qal li fi tweet, Azzopardi tkellem dwar dak li sar fil-Parlament l-Erbgħa ta’ qabel u qal: “illejla stajtu taraw kif iġib ruħu korrott u dak li jiekol il-kirxa mal-qattiela, ma jħallix jitkellem lil min jikxef il-gideb u l-ħażen tiegħu”.
Il-Ministru Cardona kien talab ukoll lis-sedja tagħtih il-protezzjoni tagħha.
Azzopardi qal li “għal dak li għadu kemm qal il-Ministru nirreferi għal dak li kienu jgħidu l-Latini li skuża mhux mitluba turi l-ħtija għaliex jien imkien ma semmejt ismu f’dan it-tweet. Kif jaf li qed nirreferi għalih?”
Fir-ruling tiegħu, Dr Farrugia wasal għall-konkluzjoni li Azzopardi kien qed jirreferi għall-Ministru Cardona, u li l-kliem użat fit-tweet imur kontra l-Ordni Permanenti Nru. 60, u l-każ jgħodd bħala ksur ta’ privileġġ.
Madankollu, l-Ispeaker qal li s-sedja hija lesta li tirrevedi d-deċizjoni tagħha kemm-il darba Azzopardi jiskuża ruħu għall-kliem użat fit-tweet għas-sodisfazzjon tal-Kamra.
Azzopardi ma kienx fil-Kamra meta ngħata r-ruling.