Jason Azzopardi nstab ħati li kiser il-kodiċi tal-etika meta ma ddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa fuq medda ta’ snin.
Dan ħareġ minn rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li qal b’mod ċar li l-iskużi li ġab Jason Azzopardi għaliex naqas jagħmel dan ma jeżonorahx.
Jason Azzopardi kien ġab skuża li ma daħħalx it-tax returns tiegħu għax kien għaddej minn proċess ta’ separazzjoni, proċess li jgħaddu minnu persuni oħra wkoll.
Fil-fatt il-Kummissarju għall-Istandards stess qal li l-iskuża li ġab Azzopardi mhiex skużabbli għax tiġri lil eluf ta’ ċittadini Maltin fis-sena.
Il-Kummissarju għall-Istandards qal li fl-impenji ta’ avukat prattikanti u ta’ kull professjonist, di natura jinkludu l-amministrazzjoni tal-affarijiet tiegħu u ċertament jinkludu l-għemil ta’ dikjarazzjonijiet tat-taxxa u l-ħlas tat-taxxi dovuti minnu.
Mir-rapport li kien sar wara li ONE News kien żvela l-istorja f’Marzu ta’ sentejn, jiġifieri li Jason Azzopardi ieħor ma jiddikjarax it-taxxa, daħlu ilmenti li fetħu fost oħrajn Jason Micallef, u ħareġ li Jason Azzopardi lanqas wieġeb fil-ħin biex jispjega ruħu għal dak rappurtat fuqu.
Il-Kummissarju għall-Istandards, dak iż-żmien George Hyzler, iżda li ma għalaqx ir-rapport u kellu jagħlqu l-Kummissarju sedenti Joseph Azzopardi, kien tah ġimgħa ċans biex iwieġeb madankollu Azzopardi kien talab iżjed żmien biex joħroġ bl-iskuża tas-separazzjoni.
ONE News kien irrapporta wkoll li Jason Azzopardi qanqal dubji kbar, meta f’tax return oħra li għamel, l-unika waħda li daħħal f’erba’ snin, iddikjara li ma qala’ xejn mill-professjoni tiegħu.
Fi kliem ieħor, anki jekk magħruf bħala avukat imqabbad, l-unika tax return li daħħal ukoll qanqal dubji dwarha.
Fil-fatt wara li ONE News żvela din l-istorja, Jason Azzopardi mar jiġri jbiddel id-dikjarazzjoni tat-taxxa dubjuża u żied dħul sostanzjali li qabel ħalla barra.
Quddiem dan kollu, Jason Azzopardi kien sab l-appoġġ tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, ieħor li għamel snin ma jħallasx it-taxxa.