L-Erbgħa filgħaxija d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ltaqa’ b’mod urġenti ma’ wieħed mill-konsulenti ewlenin ta’ Bernard Grech.
F’laqgħa fil-Belt Valletta, Azzopardi kien ma’ dan il-konsulent ta’ Grech biex jinsisti miegħu li l-Partit Nazzjonalista jrid jirrepeti b’iktar qawwa l-allegazzjonijiet li jagħmel hu.
Jidher li Jason Azzopardi kien irrabjat sew.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li Jason Azzopardi jinsab rrabjat għax kien hemm ħafna fil-Partit Nazzjonalista li qalulu li l-aħħar allegazzjonijiet fuq is-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kellux xi jridhom u sħabu fil-grupp kienu kawti ħafna dwarhom.
Jason Azzopardi għamililu ċara biex jgħid lil Bernard Grech li poġġewh hemm huma u jrid jagħmel kif jgħidulu.
Il-kritika interna lejn Azzopardi kienet ċara, dik li mar lura seba’ snin biex ineħħi l-pressjoni minn fuqu.
Dan speċjalment meta l-allegazzjoni mhux biss kienet miċħuda iżda deher ċar ukoll li din hi t-tielet darba li gideb fuq is-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Fil-fatt dan iddikjarah l-Erbgħa filgħodu l-Kap taċ-Ċivil innifsu Mario Cutajar meta ċaħad bl-aktar mod kategoriku dak li allega Jason Azzopardi u spjega kif dak li qal Azzopardi huwa ‘l bogħod mill-verità.
Jason Azzopardi kien aħrax ħafna u qal lil dan l-istrateġist ta’ Grech biex imur jgħid lill-oħrajn li jew se jkomplu miegħu jew anke huma se jkollhom il-problemi.
Wara din il-laqgħa Jason Azzopardi baqa’ sejjer il-Parlament, filwaqt li l-konsulent, li jaħdem f’uffiċju l-Belt, mar ikomplu għal triqtu.