Flok għażel li jieħu t-triq onorabbli u jerfa’ r-responabilità kif talbu jagħmel l-Awditur Ġenerali, ix-shadow minister Jason Azzopardi pprova jdawwar il-kanuni fuq każ li bl-ebda mod ma jista’ jitqabbel ma’ tal-Lowenbrau li fuqu d-Deputat Nazzjonalista ġie kkundannat personalment.
Fi stqarrija l-Partit Laburista fakkar li kull min iżur is-sit imsemmi fil-Belt Valletta jista jara b’għajnejh li l-binja magħrufa bħala Workers’ Memorial Building kienet u għadha headquarters tal-GWU. B’kuntrast, min iżur is-sit magħruf bħala tal-Lowenbrau f’Ħal Qormi ma jara ebda birrerija kif suppost hemm fuq din l-art skont kundizzjoni oriġinali li tneħħiet wara d-dealskandaluż.
L-Awditur Ġenerali f’ebda mument ma kkundanna lill-Gvern fuq il-każ tal-GWU u qal biss li wieħed għandu jikkunsidra li jikseb interpretazzjoni bil-Qorti fuq punt ta’ liġi – ħaġa li l-Gvern għadu fiż-żmien li jagħmel u qed jikkonsidra l-aspetti kollha dwarha. B’kuntrast, fil-każ tal-Lowenbrau, l-Awditur Ġenerali jitlob lil Jason Azzopardi biex jassumi r-responsabilità għas-somma miżera li biha l-Gvern ċeda din l-art.
Filwaqt li fil-każ tal-Workers Memorial Building wara sejħa għall-offerti issa hemm kirja ta’ parti żgħira tal-binja favur l-istess entità li tirċievi ċ-ċens (jiġifieri l-Gvern) biex jingħata servizz aħjar lill-pubbliku f’post ċentrali, fil-każ tal-Lowenbrau hemm biss negozjant li bbenefika mill-art ta’ 21 tomna li llum spiċċat imperu kummerċjali ta’supermarkets u ħwienet.
B’differenza mill-każ tal-Lowenbrau, fil-każ tal-GWU m’hemmx la xhieda ġuramentata dwar kompromess li ġie imwiegħed minn Ministru u lanqas xhieda ġuramentata mill-Kummissarju tal-Artijiet dwar biża ta’ ħabs malli ra l-kuntratt li sar.
Il-Partit Laburista temm jgħid li Jason Azzopardi m’għandu ebda kredibilità li jitkellem fuq artijiet pubbliċi. Ġie kkundannat mill-Awditur Ġenerali f’iktar minn okkażjoni waħda. Flok joqgħod idur u jgħaqqad, issa li nqabad, kull m’għandu jagħmel huwa li jsegwi t-talba tal-Awditur Ġenerali u jerfa’ r-responsabbilità.