Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qed jirrappreżenta wieħed mill-hijackers li f’Diċembru niżżlu ajruplan maħtuf hawn Malta.
Saħansitra tkellem mat-Times of Malta u ddeskriva kemm qed isibha diffiċli jikkomunika miegħu.
Iż-żewġ Libjani qed jużaw l-għajnuna legali – jiġifieri l-għajnuna li tingħata lil min ma jkunx jista’ jħallas għal avukat tal-għażla tiegħu. Ninsabu informati li nhar is-Sibt li għadda, Jason Azzopardi għażel li jmur iżur lil klijent tiegħu fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan ifisser li Azzopardi qed jiddefendi raġel li jinsab akkużat bi ħtif, pussess ta’ replika ta’ armi, l-użu ta’ vjolenza abbord titjijra, iż-żamma nies kontra l-volontà tagħhom, theddid bi vjolenza u l-ikkaġunar ta’ instabiltà ekonomika jew finanzjarja lill-Gvern jew lil istituzzjoni internazzjonali.
Sa ftit ilu l-Partit Nazzjonalista kien qed jallega li l-hijack kien fint. Imma issa, il-ġurnal tal-istess partit, in-Nazzjon, qed jirrapporta li “l-pjan tal-ħtif beda f’Ottubru”.
Intant ninsabu informati li ż-żewġt’irġiel m’għamlu ebda talba għall-ażil.