Il-Komunita’ ta’ Ta’ Ġiezu’ tal-Belt Valletta jinsabu fuq ix-xwiek biex għada jiġu mbierka l-qniepen ġodda li nħaddmu fl-aħħar xhur, u issa se jkunu qed jagħtu leħen isbaħ u komplut lil din il-Knisja għal qalb ħafna Beltin u anke Maltin. Kien Patri Gwardjan Ramon Farrugia OFM li dalgħodu daqq għall-ewwel darba il-qanpiena l-kbira qabel bdew il-vjaġġ tagħhom mix-xatt lejn il-Belt.
Barra l-erba’ qniepen li nħaddmu ġodda, tnejn ġew irrestawrati biex b’hekk jinħoloq sett komplut. L-ismijiet li ngħatawlhom huma Paulina, Agnese, Francesca, Giovanna Battista, Dolores u Maria Immaculata. Il-Qanpiena l-Kbira se tibqa’ tfakkar iċ-Ċentinarju ta’ 800 Sena li bħala Franġiskani qed jiċċelebraw bħalissa.
Fuq il-paġna tagħhom, il-Patrijiet urew il-vjaġġ li ħadu dawn il-qniepen, fejn issa se jkun qed isir it-tberik għada l-Ħadd, fi Triq Sant’ Ursola, b’Quddiesa fil-11.00am mill-Ministru Provinċjal P. Anthony Chircop OFM u l-Fraternità Franġiskana tal-Belt.