Waslu f’Malta mija u erbatax –il immigrant li kmieni dalgħodu ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta madwar tlieta u ħamsin mil nawtiku l-barra mill-kosta Maltija.
Mal-wasla tagħhom f’Xatt it-tiben fil-Furjana huma ttellgħu fuq il-vannijiet tal-pulizija biex minn hemm jibda l-proċess t’identifikazzjoni ta’ kull immigrant.
Il-Gvern Malti fi Stqarrija irreaġixxa għal operazzjoni ta’ salvataġġ oħra mill-bastiment MV Lifeline u spjega li Malta ma kinitx l-awtorità kompetenti biex tikkordina din l-operazzjoni u għalhekk m’għandha l-ebda obbligu legali biex tipprovdi l-arranġamenti għall-post sigur.
Għall-ħabta tal-erbgħa u nofs tat-Tnejn wara nofsinhar waslu f’pajjiżna mija u erbatax-il immigrant li kmieni filgħodu ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan wara li t-Tnejn filgħodu nstabu madwar tlieta u ħamsin mil nawtiku l-barra mill-kosta Maltija fuq dinghy li kien qed jegħreq.
Kien għalhekk ġew salvati kollha u ddaħlu f’Xatt it-tiben, fil-Furjana fuq lanċa tal-forzi armati.
Fuq il-post kien hemm preżenza kbira ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li assistew lill-immigranti u niżżluhom minn fuq il-lanċa.
Mal-wasla tagħhom l-immigranti ttellgħu fuq ħames vannijiet tal-pulizija biex minn hemmhekk jibda l-proċess t’identifikazzjoni ta’ kull immigrant.
Operazzjoni ta’ salvataġġ oħra saret mill-bastiment MV Aquarius wara li mija u erbgħin immigrant ġew salvati nhar il-Ġimgħa minn ħaddiema umanitarji Franċiżi.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li din l-operazzjoni ta’ salvataġġ saret qrib il-Kosta Libjana, aktar viċin tal-Libja, it-Tuneżija u l-Italja f’operazzjoni kkordinata mal-awtoritajiet Libjani.
Ġie spjegat li Malta ma kinitx l-awtorità kompetenti biex tikkordina din l-operazzjoni, u għalhekk m’għandha ebda obbligu legali biex tipprovdi l-arranġamenti għal post sigur.
Il-Gvern ta’ Malta qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni u jinsab f’kuntatt ma’ awtoritajiet oħrajn.
Dan filwaqt li l-Ministru Taljan Danilo Toninelli saħaq li l-immigranti abbord il-bastiment Aquarius għandhom jittieħdu mir-Renju Unit. Dan għaliex il-bastiment itajjar il-bandiera ta’ Ġibiltà, territorju tal-Gvern Ingliż.
Xahrejn ilu, l-istess Aquarius tella’ abbord sitt mija u disgħa u għoxrin immigrant, fosthom tfal u nisa li kienu qed jistennew tarbija, ftit ‘il bogħod mill-kosta tal-Libja.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ saret fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fil-Libja u ġiet ikkordinata miċ-ċentru ta’ salvataġġ f’Ruma, fejn f’dan il-każ iċ-ċentru ta’ salvataġġ ta’ Malta la kien l-awtorità kompetenti u lanqas dik ta’ koordinazzjoni.
Minkejja dan id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini, li huwa wkoll il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem tal-Lega Nord, baqa’ jinsisti li l-immigranti għandhom jidħlu f’Malta u wara nuqqas ta’ qbil, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez ħabbar li Spanja se tilqa’ l-vapur Aquarius.