Illejla, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ pajjiżna waslu l-ewwel dożi tal-kumpanija Ingliża-Żvediża AstraZeneca. Dawn waslu f’Malta permezz ta’ titjira tal-Air Malta, wara li fid-29 ta’ Jannar li għadda, il-vaċċin tal-AstraZeneca ġie rakkomandat għall-approvazzjoni fost l-istati membri, mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.
Dawn id-dożi se jkunu qed jingħaqdu mal-vaċċin tal-Pfizer u tal-Moderna. Il-Gvern kien qal li din il-wasla se tkompli tħaffef il-proċess tat-tilqim b’ġimagħtejn bil-quddiem.
Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-wasla tal-vaċċin tal-AstraZeneca hija tragward importanti ieħor fil-pjan effettiv ta’ Malta tat-tlaqqim, li finalment għandu jwassalna lejn in-normalità.
Nilqa’ l-wasla f’#Malta 🇲🇹 tal-ewwel konsenja tal-vaċċin tal-#AstraZeneca.
Dan huwa tragward importanti ieħor fil-pjan effettiv tagħna li għandu jwassalna għan-normalità.
Posted by Robert Abela on Sunday, February 7, 2021
Fil-jiem li għaddew, fil-Parlament id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar kif dan il-vaċċin tal-AstraZeneca se jingħata lil dawk li għandhom bejn it-18 u l-55 sena.
Pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ tilqim fost is-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Sas-Sibt li għadda, f’pajjiżna ngħataw b’kollox 37,586 doża, bi 8,749 minnhom huma tat-tieni doża.