L-għada tal-Milied waslu f’pajjiżna l-ewwel għaxart elef doża tal-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer għal kontra l-COVID-19.
Kien għall-ħabta tal-ħdax neqsin għoxrin meta fl-Ajruport Interazzjonali ta’ Malta nieżel l-ajruplan tat-tip D-CSUN li ġie minn Amsterdam, l-Olanda.
Preżenti kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Waqt edizzjoni speċjali ta’ ONE News, il-virologu Chris Barbara spjega kif l-awtoritajiet tas-saħħa għamlu l-eżerċizzji li kien hemm bżonn biex dan il-vaċċin jitwassal b’mod tajjeb.
Huwa qal, “Rajna fil-fatt l-inġinier tas-CPCU tal-isptar Mater Dei, fejn tela’ hu fuq l-ajruplan. Tinsewx il-loġistika li din it-temperatura ta’ dan it-tilqim qiegħda f’sebgħin grad taħt iż-żero. Jiġifieri qisna ġibna parti mill-Alaska magħna fuq dan l-ajruplan għax dik tkun katina ta’ kesħa, ma tista’ tinqata’ qatt.”
Fl-ajruport ukoll, kien hemm diversi suldati mill-Forzi Armati ta’ Malta, sabiex iżommu l-post sigur.
Il-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech wasal Malta wara li t-Tnejn li għadda, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA approvatu u ftit wara l-Kummissjoni Ewropea approvat ir-rakkomandazzjoni biex dan jitqassam fis-sebgħa u għoxrin membru stati kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ħadd filgħodu se jingħataw l-ewwel tilqim għall-kontra l-COVID-19. Fl-ewwel jum li se jitqassam dan il-vaċċin se jitlaqqmu 55 persuna, bl-ewwel persuna se tkun infermiera mit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei.