Ekwipaġġ ta’ tliet persuni Ċiniżi, inkluża l-ewwel inġinier spazjali mara tal-pajjiż, ittrakka b’suċċess fl-ispazju wara vjaġġ ta’ aktar minn sitt sigħat.
Għas-sitt xhur li ġejjin l-istazzjon spazjali se jkun id-dar tagħhom sabiex iwettaq esperimenti u mixjiet fl-ispazju bi preparazzjoni sabiex sal-2030 Beijing itella’ l-ewwel persuna tiegħu fuq il-qamar.
Beijing iddikjara li l-operazzjoni Shenzhou 19 kienet suċċess u tifforma parti mill-mitt vjaġġ spazjali ippjanati miċ-Ċina għal din is-sena hekk kif qed tipprova tegħleb lir-rivali tagħha l-Istati Uniti.
Aktar kmieni din is-sena, il-kap tan-NASA Bill Nelson kien qal li l-Istati Uniti u ċ-Ċina kienu filfatt f’tellieqa b’min minnhom se jirritorna l-ewwel fuq il-qamar fejn kien qed jibża’ li Beijing kellu pretensjonijiet territorjali. Żied ukoll li kien jemmen li l-programm spazjali Ċiniż kien ukoll wieħed militari.