Fil-Port il-Kbir sorġa l-bastiment militari Amerikan USS NITZE, destroyer tal-klassi Arleigh Burke li għandu fuqu madwar 350 membru tal-ekwipaġġ.
Għal dawn l-aħħar disa’ xhur il-vapur kien qed jintuża għaż-żamma tas-sigurtà fil-Baħar Mediterran flimkien mal-GEORGE H W BUSH Carrier Strike Group.
Il-Kaptan tal-bastiment, Katie Jacobson, spjegat lil One News li Malta hija l-aħħar waqfa tagħhom qabel ma jirritornaw lura d-dar. Qalet li bħalissa għaddejjin bil-manutenzjoni tal-apparat abbord, qabel ma jħejju għall-aħħar vjaġġ lejn l-Istati Uniti.
Intant hija espremiet kemm hija kburija bl-ekwipaġġ tagħha u qalet kemm ma jiddispjaċihiex li waqfu fil-gżira ta’ Malta, tant li tikkonsidra li terġa’ tiġi hawn fil-ħin liberu tagħha mal-familja. Hija temmet tgħid li l-bastiment huwa ppjanat li jerġa’ jżur Malta fl-2027.
“I have never been to Malta; this is my first time. The country is absolutely gorgeous. I would love to come back in a more personal visit with my husband and kids, perhaps”.
Mill-banda l-oħra, il-Kaptan Jocobson tkellmet dwar kif dan ix-xogħol jirrikjedi d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji, speċjalment minħabba l-fatt li ddum żmien twil mingħajr ma tara lill-familja.
“I can’t tell you how excited I am to hug them, to kiss them again. It’s been a long time and I’m really excited to come back home.”
L-ambaxxatriċi Amerikana għal Malta, Constance J. Milstei, laqgħet bi pjaċir iż-żjara tal-bastiment u saħqet li s-servizz tal-Kmandant Katie Jacobson, b’mod partikolari, jenfasizza l-kontribut bla qies tan-nisa fil-militar tal-Istati Uniti.
L-Ambaxxatriċi Milstein żiedet tgħid li ż-żjara tal-USS NITZE hija dimostrazzjoni viżwali tal-qawwa tas-sħubija bilaterali biex inżommu l-Mediterran sikur u opportunità għall-Forzi Armati ta’ Malta u n-Navy tal-Istati Uniti biex jaqsmu l-kompetenza marittima tagħhom.
Kitba ta’ Luigi Sghendo