Il-plejer nazzonali Malti, iż-żagħżugħ Dejan Grech, li matul ‘il jum tal-bieraħ sar iċ-champion tal-Ewropa tal-Pool wara li fil-finali għeleb lil l-Ingliż Luke Gilbert, wasal f’pajjiżna l-Ġimgħa waranofsinhar.
Dan hu riżultat prestiġġjuż għal-logħba tal-pool f’Malta u għall-isport inġenerali f’pajjiżna.
Barra s-sala tal-wasliet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, sibna lill-qraba u l-ħbieb ta’ Dejan jistennew b’ħerqa lill-istilla tal-pool.
F’kumment ma’ One News Grech qal li r-rebħa tal-bieraħ jiddedikaha lil missieru, li sfortunatament ħalla lil din id-dinja.
“Jien kull logħba li nilgħab niddedikaha lil missieri li ma għaddux magħna u lill-ħbieb u l-familja kollha tiegħi li dejjem jappoġġjawni u jieħdu ħsiebi.”
Dejan Grech, Champion tal-Ewropa tal-Pool
Il-ġurnata tal-bieraħ kienet ġurnata speċjali ħafna għal Grech, hekk kif rebaħ ukoll il-finali tal-kategorija ta’ taħt il-ħamsa u għoxrin sena bħala tim.
Is-suċċess li kiseb dan l-istilla jiżdiedu ma’ oħrajn li l-plejer Malti kiseb f’dawn l-aħħar snin.
Fl-2020 Grech kien rebaħ it-titlu Ewropew tal-individwali taż-żgħażagħ filwaqt li rebaħ it-titlu tal-kategorija ta’ żgħażagħ bħala tim tlett darbiet.
“L-aħħar darba li saru l-Kampjonati Ewropej irbaħt iċ-Champion Ewropew ta’ taħt it-23 sena. Din id-darba rbaħt ukoll l-open, lgħabt is-semifinali ta’ taħt it-23 sena u rbaħna wkoll it-timijiet. Jiġifieri, kelli kampjonat mill-aqwa.”
Dejan Grech, Champion tal-Ewropa tal-Pool
Grech għalaq b’messaġġ ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li għandhom il-ħolma li fil-futur jirrappreżentaw il-bajda u l-ħamra f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
“Malta hija waħda mill-akbar pajjiżi b’talent f’dan l-isport. Grazzi wkoll lill-Malta Pool Association, speċjalment lil Vince Degiorgio, Charles Peresso u Charlie Cilia għax-xogħol li jagħmlu fejn rawmu l-logħba ħafna ‘l quddiem. Hemm aktar opportunitajiet kbar, li grazzi għalihom kull tifel min irid jilgħab il-billiard għandu futur.”
Dejan Grech, Champion tal-Ewropa tal-Pool