Fit-tieni u l-aħħar partita tas-Sibt wara nofsinhar fit-Tony Bezzina Stadium, Sta. Lucia u Gudja ħadu punt kull wieħed fid-draw ta’ 0 – 0 biex b’hekk Sta Lucia r-reġistraw l-ewwel punt staġjonali.
L-ewwel taqsima ftit li xejn ipproduċiet mumenti eċċitanti tant li l-azzjonijiet denji kont tgħoddhom fuq id waħda. Fil-fatt Gudja ġew maħsuda fis-17-il minuta meta r-referee Trustin Farrugia Cann wera karta ħamra diretta lill-attakkant tagħhom Angulo Perea li deher ixejjer bis-sieq mingħajr ballun lid-difensur tas-Saints Jurgen Pisani.
Minkejja li b’plejer anqas, kienu Gudja li ħolqu l-ewwel periklu fit-28 minuta meta minn freekick mogħti minn Matias Muchardi, Karl Micallef kellu daqqa ta’ ras salvata mill-goalkeeper Silva Da Paz.
Żewġ minuti wara Jed Valletta kellu xutt b’saħħtu salvat mill-goalkeeper Gudjan Yaren Sozer.
Ftit wara, fid-39 minuta, minn kross ta’ Jan Tanti kien il-goalkeeper Sozer li antiċipa lil Valletta biex evita dak li seta’ kien il-goal tal-vantaġġ għas-Saints.
Fit-43 minuta minn azzjoni ta’ corner, Santa Lucia reġgħu resqu qrib b’xutt angolat ta’ Dexter Xuereb jgħaddi jħakkek mal-mimduda.
Fit-tieni taqsima Santa Lucia ħargu aktar aggressivi u resqu qrib fit-62 minuti permezz ta’ corner dirett mogħti minn Steven Pisani li l-goalkeeper Sozer salva f’corner ieħor.
Ħames minuti wara rega’ kien Sozer li salva tajjeb xutt b’saħħtu ta’ Tatsuro Nagamatsu.
Gudja pero’ ma qagħdux lura u fit-73 minuta Gabriel Mensah temm azzjoni personali billi llobbja minn fuq ras il-goalkeeper Da Paz iżda l-ballun għadda ftit barra.
Fl-aħħar ħinijiet Santa Lucia għafsu biex jiskurjaw il-goal tar-rebħa imma d-difiża ta’ Gudja dehret ferm organizzata bil-goalkeeper Sozer jispicca anke jigi vvutat l-aħjar plejer tal-logħba hekk kif fl-94 minuta wettaq save ieħor ferm tajjeb fuq daqqa ta’ ras ta’ Alves Pereira minn freekick ta’ Steven Cassar.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Yaren Sozzer Izzet (Gudja U.)