Ilbierah filgħaxija t-tim nazzjonali Malti kien fl-azzjoni fit-tieni logħba tal-UEFA Nations League fejn kontra l-Azerbaijan, it-tim Malti irnexxilu jieħu draw ta’ 1 – 1.
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Ray Farrugia għamel tlett tibdiliet mit-telfa kontra l-Faroe Islands fejn Ryan Camilleri, Ryan Fenech u Jean Paul Farrugia hadu post Zack u Rowen Muscat kif ukoll Alfred Effiong.
Fl-ewwel taqsima t-tim Malti kien tajjeb biżżejjed biex fetaħ l-iskor minn penalty wara li l-Captain Michael Mifsud twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11 il-metru Andrei Agius ma falliex għal 1 – 0.
Wara li l-Azeri laqtu l-lasta mal-25 minuta logħob, huma ġabu d-draw minuta wara meta Hogg irnexxielu jsalva free-kick ta’ Almeida iżda Khalilzade fajjar xutt b’saħħtu li spiċċa fix-xibka Maltija għal 1 – 1; liema skor għalqet bih l-ewwel taqsima.
L-aħjar ċans fit-tieni taqsima ġie mill-Maltin hekk kif wara 5 minuti logħob konklużjoni ta’ Paul Fenech għaddiet ftit barra. It-tieni taqsima ftit li xejn kellha azzjonijiet perikolużi b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd biż-żewġ goalkeepers ftit li xejn impenjati.
L-impenn li jmiss għat-tim nazzjonali Malti jkun l-Hamis 11 t’Ottubru away kontra l-Kosovo.
Ritratt: Domenic Aquilina