Is-sajf li ġej pajjiżna ħa jkollu servizz ġdid tal-ivjaġġar li wieħed ħa jkun jista’ juża sabiex imur lejn Sqallija.
Dan permezz ta’ vapur bl-isem ta’ HSC Artemis tal-kumpanija Ponte Ferries li wasal għall-ewwel darba f’pajjiżna u mis-sajf li ġej ħa jkun qed jivjaġġa minn Malta għall-port ta’ Augusta f’ħin qasir.
Il-port t’Augusta jinsab nofs siegħa ‘l bogħod mill-belt ta’ Katanja u r-rappreżentant tal-kumpanija spjega r-raġuni għaliex intgħażel il-port t’Augusta fejn se jsorġi l-vapur.
Nicky Valenzia, li huwa rappreżentant tal-Ponte Ferries spjega: “Kien hemm ħafna diskussjonijiet man-nies fl-Italja mar-reġun fl-Italja u prattikament ġie magħżul Augusta illi Augusta wkoll jaqdi għall-bżonnijiet tat-turisti jew tan-nies li jixtiequ jmorru iżjed ‘l fuq fi Sqallija iżda wkoll huwa tajjeb għall-merkanzija u l-affarjiet kollha relatati mal-ġarr tal-merkanzija prattikament.”
F’Malta, dan il-vapur ħa jsirlu wkoll xi xogħol sabiex ikun mgħammar b’teknoloġija u affarijiet avvanzati biex in-nies li ħa jagħmlu użu minnu jkollhom l-aħjar esperjenza.
Nicky Valenzia kellimna ukoll fuq is-sistema tal-qtugħ tal-biljetti li ħa tkun waħda faċli ħafna biex tintuża.
Huwa sostna: “Xtaqu li jkun ta’ ċerta kwalità, li jkun user-friendly, ħa jkun hemm miżuri għall-pets abbord, ħa jkun hemm ftit minn kollox inkluż din il-kwistjoni partikolari tat-ticketing stess li ħa jkun smart ticketing li jkun jista’ jħares in-neċessitajiet kollha kemm min iġorr l-merkanzija, kemm min jitla’ bil-karozzi għax-xogħol jew għall-btala u kemm in-nies li jitilgħu Sqallija għal ġurnata waħda. Ħa tkun sistema li tiffaċilitizza l-mod kif jinxtraw il-biljetti.”
L-HSC Artemis ħa jkun qed jilqa’ seba mija u sbatax-il passiġġier kif ukoll mitejn u ħamsa u erbgħin karozza jew inkella ħmistax-il trailer tal-merkanzija u mija u tmenin karozza għal kull vjaġġ.